Ġranet ta’ tensjoni fit-Turkija hekk kif kien hemm sensiela ta’ inċidenti li poġġew lill-awtoritajiet fuq ix-xwiek.
Bejn il-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa, prosekutur inqatel flimkien maż-żewġ terroristi li kienu ħatfuh. Dan seħħ wara intervent mill-forzi tas-sigurtà Torok biex isalvaw lill-ostaġġ li kien qed jinżamm f’qorti f’Istanbul.
Sadattant, Ll_erbgħa, ajruplan tat-Turkish Airlines kellu jerġa’ lura f’Istanbul waqt titjira lejn il-Portugall minħabba suspetti li kien hemm bomba abbord. Fl-istess ħin, f’Istanbul ukoll, persuna daħlet f’bini tal-Partit AK, il-partit fil-Gvern, tqanqal tensjoni li kien se jkun hemm ripetizzjoni tal-ġrajja tal-lejl ta’ qabel, imma dan l-individwu twaqqaf minn membri tas-sigurtà ftit wara li kixef bandiera kbira minn waħda mit-twieqi tal-bini.
Dan kollu seħħ fl-isfond tal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku madwar it-Turkija, it-Tlieta, li kkawża kaos. Aktar minn nofs il-81 provinċja Torka kienu effettwati minn dan il-qtugħ ta’ elettriku u l-Prim Ministru Tork Ahmet Davutoglu qal li mhux eskluż li dan kien ikkawżat minn attakk terroristiku.
It-Turkija fuq ix-xwiek
