Minn interċettazzjoni tat-telefonati ta’ membri tal-mafia ta’ Calabria, l-’Ndrangheta, fl-Italja, il-Pulizija sabet li abbord il-Costa Concordia meta l-bastiment inkalja barra mill-gżira ta’ Giglio, kien hemm kunsinna kokaina moħbija.
Michele Rossi, il-kap tal-’Ndrangheta, jinstema f’telefonata jilmenta ma’ uffiċjal minn tiegħu li kienu tilfu kunsinna kokaina minħabba dak li ġara lill-Costa Concordia wara li dan kien inkalja fl-2012, meta tilfu ħajjithom 32 persuna li kien hemm abbord.
Il-media Taljana rrappurtat li l-’Ndrangheta kienet tpoġġi wkoll droga fuq vapuri tal- MSC u n-Norwegian Cruise Lines.
Skont investigaturi Taljani, id-droga fuq il-Costa Concordia ma kinitx instabet u żgur kien hemm kompliċi xi membri tal-ekwipaġġ. Iżda mhux magħruf min.
Fi Frar, Francesco Schettino, il-kaptan tal-vapur, instab ħati ta’ din it-traġedja u ngħata piena ta’ 16-il sena ħabs.
F’Lulju tas-sena li għaddiet, il-Concordia kien irmunkat lejn Ġenova biex jinħatt. Dan sar f’ħidma li se tiswa 100 miljun ewro u li mistennija ddum għaddejja sentejn.
Kien hemm id-droga moħbija fuq il-Costa Concordia
