… u Surġent jinħoloqlu kariga li qatt ma eżistiet li jdur il-Ministeri biex jara li kollox sew u wara jingħata impjieg ta’ Chief Officer fil-Freeport
Kuntistabbli tal-Pulizija ilu iktar minn sena u nofs jaħdem fis-Segretarjat privat tal-Ministru tal-Enerġija bħala Head tal-Customer Care, filwaqt li Surġent ieħor ħolqulu posting li qatt ma eżista, dik li jdur il-Ministeri biex jara li kollox sew, u wara ħolqulu posting fil-Freeport bħala Chief Officer.
Dawn iż-żewġ każijiet kienu żvelati fil-Parlament mix-Shadow Minister Jason Azzopardi, li saħaq li l-Oppożizzjoni toġġezzjona għal dan l-istat li fih jinsab il-Korp tal-Pulizija – bi tmexxija bla bażi ta’ x’inhu sewwa u x’mhuwiex.
Żvela li l-membru tal-Korp tal-Pulizija ilu iktar minn sena u nofs jaħdem fis-Segretarjat tal-Ministru tal-Enerġija bħala Head tal-Customer Care, hu l-Kuntistabbli PC 224 Jason Farrugia, li għadu membru tal-Korp. Fisser li mhux jikkritika lill-Kuntistabbli, imma lil min talab u ppermetta li dan jaħdem fejn qed jaħdem.
Staqsa x’iwieġeb il-Ministru għall-Intern, anke jekk dan il-Pulizija beda jaħdem bħala Head ta’ Customer Care qabel il-ħatra tiegħu? X’jgħid is-Segretarju Permanenti tal-Intern li approvah? X’jgħid il-Kummissarju tal-Pulizija t’issa fuq din id-deċiżjoni tal-eks-Kummissarju Pietru Pawl Zammit?
Jason Azzopardi staqsa wkoll kif l-Oppożizzjoni tista’ temmen lill-Gvern meta jgħid li l-Korp għandu problema ta’ manpower meta l-Pulizija jibgħathom jaħdmu fejn mhux xogħolhom basta tiżdiedlu l-paga għax tal-qalba. Spjega li l-Pulizija konċernat mar tajjeb għax minn paga ta’ €17,000 fis-sena, issa għandu viċin it-€30,000 fis-sena.
Tinħoloq kariga li qatt ma eżistiet: dik li jdur il-Ministeri biex jara li kollox sew
Semma wkoll każ ieħor ta’ Surġent, fl-età qrib it-30 sena u hu vicin ħafna tal-Partit Laburista, li minn wara l-elezzjoni ġenerali ta’ sentejn ilu beda jilmenta li jrid jingħata rwol speċjali.
Is-Surġent hu PS 14 Clayton Fiteni, li ħolqulu rwol u posting li qatt ma eżista, dik li jdur il-Ministeri biex jara li kollox sew u jwieġeb lir-Regiment Seargeant Major fil-Korp.
Kompla jiżvela wkoll li wara li mill-Għassa tal-Belt beda jdur il-Ministeri, fl-aħħar xhur ma kienx kuntent u mar igorr Kastilja għax hu ta’ ġewwa u tal-qalba.
Jirriżulta wkoll fl-aħħar żvilupp dwar dan is-Surġent, kompla jfisser Jason Azzopardi, li fi Frar li għadda ħolqulu posting, waqt li għadu membru tal-Korp tal-Pulizija, fil-Freeport bħala Chief Officer – rwol li jiġi fuq is-Security tal-Freeport. Dan meta m’għandu ebda esperjenza ta’ dax-xogħol jew fix-xogħol li jinvolvi l-ġlieda kontra l-kuntrabandu.
Filwaqt li irrifera għal dan l-impjieg bħala sensittiv u delikat ħafna, fisser li l-paga rduppjat minn madwar €18,000 għal €35,000 fis-sena.
Dwar dan il-każ ta’ impjieg, ix-Shadow Minister qal li l-Ministri għall-Ekonomija u tal-Intern; u l-Kummissarju tal-Pulizija kienu jafu u approvawh għax ma kinux kapaċi jgħidu le. “Għax għal dan il-Gvern, anything goes”, saħaq Jason Azzopardi.
Gvern xħiħ mal-maġġoranza iżda ġeneruż ma’ tal-qalba
Dawn huma eżempji, fisser Jason Azzopardi, li juru kif fit-tqassim tal-ġid, il-Gvern qed ikun xħiħ mal-maġġoranza iżda ġeneruż ma’ tal-qalba.
Għalik 58ċ, qal Jason Azzopardi, iżda għal ħbieb tal-Ministri u tal-Prim Ministru pagi u salarji ta’ eluf kbar ta’ ewro.
Semma li l-Korp tal-Pulizija ġie mwiegħed mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni, saħanistra minn Joseph Muscat innifsu f’laqgħa li kellu mal-Pulizija l-ġimgħa tal-elezzjoni ġenerali, li ser jitħallsu mill-ewwel wara l-elezzjoni miljuni ta’ ewro f’arretrati ta’ sahra.
Wegħda mniżżla anke fil-manifest elettorali Laburista, bħal ħafna wegħdi oħra, li Muscat mar lura minn kelmtu. Mill-elezzjoni ‘l hawn la hu u lanqas ħadd mill-Gvern ma lissen kelma dwarhom u lanqas ivvutaw ewro fit-tliet baġits li għamlu s’issa.
Preferenzi u abbużi biex jiġu aġevolati tal-qalba
Jason Azzopardi qal ukoll li fil-Korp tal-Pulizija, saru u qed isiru preferenzi u abbużi biex jiġu aġevolati tal-qalba bi ksur ta’ prattiċi u regoli mhux miktuba li dejjem ġew osservati għax fl-aħħar snin kien hemm linji ħomor biex jifirdu l-Pulizija mill-politika partiġġjana.
Mhux veru li dan il-Gvern jitgħallem mill-iżbalji tiegħu għax għalih mhumiex żbalji iżda sempliċement inċidenti li fihom jinzerta jinqabad mill-Oppożizzjoni u daqqa mill-media.
Fisser li għalhekk il-Partit Laburista, kif ġie elett, neħħa s-Segretarji Permanenti kważi kollha u l-Kap taċ-Ċivil biex ħadd u xejn ma jrażżnu milli jaħtar nies li jkunu lesti jkunu kompliċi fit-tmexxija kontra l-morali tiegħu.
L-ikbar sfida se tkun biex il-poplu jerga’ jafda l-Korp
L-ikbar sfida tal-Korp, fisser Jason Azzopardi, se tkun biex il-poplu jerga’ jafda l-Korp. Li jkun hemm is-serjetà. Li jieqfu l-abbużi u transfers vendikattivi. Li ma jkunx hemm ħabi tal-verità. Li l-Pulizija ma jagħmlux xogħol li mhux tal-Pulizija. Li l-Pulizija ma tindaħalx fil-politika partiġġjana.
“Meta jgħidu li mhumiex perfetti, jagħmlu dan biex ikomplu bl-imġiba politika mhux aċċettabbli f’pajjiż normali”, saħaq ix-Shadow Minister Jason Azzopardi li saħaq li dawn mhumiex każijiet iżolati.
Każijiet li jixhdu ħsieb ta’ Gvern li ma jimpurtax li ma jżommx kelmtu, basta jkun ħa l-vot.
Fakkar li f’Novembru li għadda l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija għamlet pass li qatt qabel ma kien sar, meta ppreżentat protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għall-Intern għax il-Prim Ministru u l-Ministru minn wara daharha daħlu addendum għall-ftehim kollettiv biex l-ogħla karigi fil-Korp ma jkunux indipendenti u awtonomi.
Jason Azzopardi qal li kien hemm it-tama li meta nħatar Ministru tal-Intern ġdid din il-kwistjoni tissolva għax tneħħi s-serħan tal-moħħ li għandu jkollna f’Korp awtonomu li ma jiħux passi skont kif jindaħallu l-politiku.
Għaddew tliet xhur minn meta l-Ministru l-ġdid, fl-4 ta’ Jannar li għadda f’intervista fil-MaltaToday, qal li jittama li jsolvi l-kwistjoni fi ftit ġimgħat. Iżda l-Ministru l-ġdid tal-Intern għadu ma żammx kelmtu.
//= $special ?>