L-Ispeaker iwaqqaf ċapċip fil-Parlament minn grupp ta’ persuni li segwew il-bidu tas-seduta tal-lejla
L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ħabbar fil-bidu tas-seduta tal-lejla li s-sessjoni tal-Parlament tal-lejla tista’ tkun l-aħħar waħda li qed issir fil-bini tal-Palazz tal-President hekk kif l-Uffiċċju tal-Ispeaker għaddej b’ħidma li twassal biex fl-4 ta’ Mejju li ġej, il-Parlament jibda jiltaqa’ f’binja għalih fid-Daħla tal-Belt, proġett disinjat mill-perit ta’ fama mondjali Renzo Piano.
L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ħabbar fil-bidu tas-seduta tal-lejla, li s-sessjoni tal-Parlament tal-lejla tista’ tkun l-aħħar waħda li qed issir fil-bini tal-Palazz tal-President hekk kif l-Uffiċċju tal-Ispeaker għaddej b’ħidma li twassal biex fl-4 ta’ Mejju li ġej, il-Parlament jibda jiltaqa’ f’binja għalih fid-Daħla tal-Belt, proġett disinjat mill-perit ta’ fama mondjali Renzo Piano.
L-Ispeaker ta rendikont tax-xogħol li għaddej bħalissa fil-binja l-ġdida tal-Parlament, relatata ma’ ħafna testijiet relatati fost l-oħrajn max-xandir bit-televiżjoni tas-seduti parlamentari. B’dan l-iżvilupp, ix-xandir tas-seduti parlamentari se jasal f’madwar 80,000 dar wara ftehim li l-Ispeaker iffirma ma’ żewġ operaturi ewlenin tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna.
L-Ispeaker fakkar ukoll li l-Kamra tad-Deputati li fiha jitlaqqa’ l-Parlament, ilha taqdi din il-funzjoni sa minn Awwissu tal-1976.
B’rabta mal-ftuħ tal-Parlament il-ġdid, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-ħidma kontinwa u taħt monitoraġġ ukoll mill-Uffiċċju tiegħu, se tkompli għadddejja biex twassal biex it-Tnejn 4 ta’ Mejju, il-Parlament jibda jiltaqa’ fil-bini l-ġdid fid-Daħla tal-Belt, biċ-ċerimonja uffiċjali ssir aktar kmieni matul dik il-ġurnata stess.
F’Ottubru li għadda, kienet ippjanata l-ġurnata tat-12 ta’ Ottubru biex jiġi inawgurat il-bini l-ġdid tal-Parlament, liema ftuħ ma sarx minħabba li l-Gvern ma żammx mal-miri li jlesti l-binja sal-aħħar ta’ Settembru li għadda.
Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, l-Ispeaker wissa lil grupp ta’ persuni li ċapċpu għal ftit sekondi hekk kif il-Kamra, kemm Gvern kif ukoll Oppożizzjoni, approvat l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess.
L-Ispeaker irrimarka li l-persuni li kienu preżenti jsegwu s-seduta, ma kinux qegħdin f’xi ground tal-futbol jew f’xi sala tat-tiġijiet.
Iċ-ċapċip waqaf immedjatament anke bl-intervent immedjat tal-istaff tal-Parlament.
Fi tmiem is-seduta tal-lejla, il-Gvern, permezz tal-Ministru Owen Bonnici u l-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister Jason Azzopardi, awguraw il-festi tal-Għid lil xulxin hekk kif awguraw ukoll li l-ħidma tal-Parlament tkun aktar effettiva u b’saħħitha fil-bini l-ġdid fid-Daħla tal-Belt.
L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia wkoll awgura li f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni, ikun hemm ukoll riflessjoni biex inkunu dejjem aħjar u awgura li fl-4 ta Mejju, il-Parlament jitlaqqa’ fil-binja unika u dinjituża fid-Daħla tal-Belt.
Irrimarka li filwaqt li fl-aħħar xhur anke fil-bini eżistenti tal-Parlament iddaħħlu miżuri ġodda ta’ sigurtà, fil-bini l-ġdid tal-Parlament se jkun hemm sigurtà akbar u aktar stretta.
//= $special ?>