Futbol Sport

‘L-Ingilterra kien ħaqqha tirbaħ’ – Wayne Rooney

L-attakkant Ingliż Wayne Rooney stqarr li t-tim tiegħu kien ħaqqu xi ħaġa aħjar fil-partita ta’ ħbiberija kontra l-Italja li intlagħbet f’Turin. L-Italja fetħu l-iskor permezz ta’ Graziano Pelle u kien Andros Townsend li salva draw għat-tim immexxi minn Roy Hodgson.

Għall-Ingilterra din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar tmien partiti li ma rebħux hekk kif tul dawn l-aħħar xhur, minn wara li intemmet it-Tazza tad-Dinja, kisbu rebħa wara l-oħra u qegħdin anke jiddominaw il-grupp tagħhom fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016. Bħall-Ingilterra, l-Italja wkoll ilha bla telfa sa minn meta sfat eliminata mill-fażi tal-gruppi fit-Tazza tad-Dinja biss ma kisbitx daqstant rebħiet daqs l-Ingilterra.

“Nemmen li kien ħaqqna nirbħa l-logħba għax kellna aktar ċansijiet minnhom. Fl-ewwel taqsima l-avversarji tagħna kienu aħjar aktar minħabba l-fatt li aħna ma konniex qed nuru l-aqwa logħod tagħna. Fit-tieni taqsima l-andament inbidel u iddominajna,” qal l-attakkant ta’ Man Utd li kien qed ifittex li jersaq aktar viċin ir-rekord ta’ gowls li qiegħed f’idejn il-leġġendarju Bobby Charlton.

“Kuntenti b’dan id-draw speċjalment minħabba l-fatt li bqajna bla telfa sa mis-sajf li għadda. Ba dubju l-aqwa plejer tagħna kien Carrick għax kif daħal hu kellna aktar kontroll u d-differenza bejn iż-żewġ timijiet fit-tieni taqsima kienet minħabba fih. Hu minnu li din kienet biss logħba ta’ ħbiberija imma partiti bħal dawn ikunu importanti speċjalment għall-manager biex jevalwa plejers ġodda,” kompla jgħid Rooney.

Mal-ewwel 11 beda għall-ewwel darba l-attakkant ta’ Tottenham Harry Kane, plejer li nhar is-Sibt kien iddebutta kontra l-Litwanja meta daħal bħala sostitut u ftit sekondi wara saħanistra sab ix-xibka.

Fuq l-istess nota il-kowċ tal-Ingliżi Hodgson qal li kien kuntent bil-wirja tal-plejers tiegħu fit-tieni taqsima madankollu l-ewwel taqsima kienet waħda fjakka.

“Minkejja li din il-logħba ttemm mixja ta’ seba’ rebħiet konsekuttivi jien kuntent bir-riżultat. M’hijiex ħaġa faċli biex tilgħab barra minn darek kontra l-Italja u ma titlifx. Minbarra li ma tlifniex fit-tieni taqsima konna aħna li iddominajna. Fl-ewwel taqsima konna iffortunati li huma tilfu ħafna ċansijiet ta’ skor,” qal Hodgson.

Minn naħa tiegħu l-kowċ tal-Italja Antonio Conte qal li minkejja li kien kuntent bir-riżultat kien sodisfatt għax ra plejers ġodda fl-azzjoni. Wieħed minn dawn kien Mirko Valdifiori u Conte kellu kliem ta’ tifħir fil-konfront ta’ dan il-plejer ta’ Empoli li iddebutta ma’ pajjiżu.

“Hi ħassra li ma irbaħniex għax kellna diversi ċansijiet kontra tim b’saħħtu bħal ma hu dak tal-Ingilterra. Madankollu xorta waħda ninsab kuntent bir-riżultat u anke bil-fatt li kelli ċ-ċans nara plejers ġodda fl-azzjoni. Irridu ngħinu lil dawn il-plejers biex jintegraw fit-tim u rrridu naħmluielhom faċli kemm jista’ jkun. Il-wirja ta’ Valdifiori hu eżempju perfett għal dawk kollha li qed jittamaw li jiksbu post fit-tim nazzjonali. Jien m’inix kowċ li nħares lejn l-isem imma lejn dak li jkun qed jagħmel mal-klabb tiegħu. Wieħed ma jridx jinsa li minbarra li kellu debutt tajjeb għamel dan kontra tim qawwi,” kompla Conte.

Rigward il-logħba innifisha Conte qal li hu, flimkien mal-plejers qed jaħdem fuq sistemi ġodda. “Innutajt li aktar ma beda jgħaddi ħin l-enerġija tal-plejers bdiet tonqos u kien f’dak il-ħin fejn ħallejna lill-avversarji tagħna jidħlu fil-logħba. Irridu nkomplu naħdmu.”

Conte tkellem ukoll dwar il-fatt li hu kien qed jirritorna fil-Juventus Stadium fejn tul l-aħħar snin rebaħ diversi unuri mal-Bianconeri. “Kienet sensazzjoni kemmxejn stramba għalija li nirritorna f’dan il-grawnd. Is-snin li għamilt ma’ Juventus huma snin li m’hu se ninsa qatt.”

Conte temm billi tkellem anke dwar xi plejers li ħalla barra għall-partita kontra l-Ingilterra u kontra l-Bulgarija. “Il-bibien tat-tim nazzjonali huma miftuħin għal kulħadd. Riċentament mort nara l-logħba bejn Southampton u Liverpool u Pelle biss lagħab filwaqt li Balotelli u Borini kienu fuq il-bank.
Nittama li dawn il-plejers ikunu utli lill-klabb tagħhom biex b’hekk ikunu utli wkoll għat-tim nazzjonali. Jien nistenna sinjali mingħand kulħadd, anke mingħand Giovinco (li qed jilgħab fil-Kanada ma’ Toronto FC) u mingħand Osvaldo (li qed jilgħab ma’ Boca Juniors fl-Arġentina),” temm Conte.