Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew approva rapport dwar iktar sigurtà fuq il-post tax-xogħol b’apparat protettiv.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, li hu Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, u Rapporteur tal-Partit Popolari Ewropew, qal li l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol ħafna drabi jseħħu minħabba li ma jintużax apparat protettiv jew dan ma jintużax tajjeb.
Spjega li r-rapport approvat illum jikkontribwixxi għar-rapport finali li, jekk approvat, se jwassal għal liġi Ewropea ġdida li se tkun iktar stretta mil-liġi eżistenti. B’hekk, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jinfurzaw ħafna aħjar r-regolamenti dwar sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
David Casa spjega li l-liġi eżistenti mhix ċara ħafna u tista’ twassal għal interpretazzjoni żbaljata. B’liġi iktar ċara, tiżdied is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Spjega wkoll li l-Ewroparlamentari enfasizzaw il-ħtieġa għal iktar monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regolamenti u penali ikbar għal min jikser il-liġi.
Casa qal li se jiġu nvoluti wkoll il-partijiet konċernati f’Malta hekk kif din il-proposta ta’ liġi timxi ’l quddiem fl-istadji leġiżlattivi.
//= $special ?>