Prosekutur Tork u żewġ estremisti li żammewh ostaġġ inqatlu wara sparar f’Qorti f’Istanbul.
Jidher li Mehmet Selim Kiraz inżamm ostaġġ minħabba li kien mexxa nkjesta dwar il-qtil ta’ żagħżugħ fil-protesti ta’ kontra l-Gvern Tork fl-2013. Il-grupp rivoluzzjonarju Marksista, il-Front-Partit Rivoluzzjonarju għall-Ħelsien tal-Poplu, li allegatament kien wara l-attakk, kien qed jhedded li l-Prosekutur kien se jinqatel jekk it-talbiet tal-grupp ma jiġux aċċettati.
L-istess grupp kien wara l-attakk suwiċida ta’ Frar tal-2013 fuq l-ambaxxata Amerikana f’Ankara fejn inqatel uffiċjal tas-sigurtà.
Sorsi uffiċjali qalu li l-estremisti kienu qed jinsistu li l-Pulizija tħabbar l-ismijiet ta’ erba’ membri tas-servizzi tas-sigurtà, li skont huma, huma marbuta mal-mewt taż-żagħżugħ. F’Ġunju tal-2013, iż-żagħżugħ Berkin Elvan intlaqat minn bott tal-gass tad-dmugħ meta kien sejjer jixtri l-ħobż waqt id-dimostrazzjonijiet tal-massa li kienu bdew minn Istanbul. Iż-żagħżugħ kien miet wara disa’ xhur f’koma.
Iż-żewġ militanti nqatlu waqt il-ħidma ta’ salvataġġ imma l-Prokuratur sefa midrub b’mod gravi u iktar tard miet. Skont il-Kap tal-Pulizija Selami Altunok, il-Pulizija damet tinnegozja mat-terroristi għal sitt sigħat imma mbagħad daħlu fil-Qorti wara li semgħu sparar fuq ġewwa tal-uffiċċju tal-Prosekutur.
Skont il-Prim Ministru Tork Ahmet Davutoglu, l-estremisti ppużaw ta’ avukati biex daħlu fil-bini tal-Qorti. Il-Gvern Tork ma ħalliex xandir dirett tal-operazzjoni ta’ salvataġġ minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
//= $special ?>

