It-Turkija għadha qed tgħix sigħat ta’ tensjoni kbira, meta l-pulizija Torka, kmieni dalgħodu, wettqu diversi raids fejn arrestaw numru ta’ membri suspettati ta’ grupp estremista tax-xellug fil-belt ta’ Istanbul.
Din il-belt partikolari għadha mheżża wara żewġ sparaturi qattiela, aktar kmieni din il-ġimgħa, li jidhru li twettqu mill-militanti inkwistjoni. Intant, il-pulizija ġabru talanqas għaxar persuni waqt ir-rejds fl-inħawi ta’ Okmeydani li hu wieħed mid-distretti ewlenin ta’ Istanbul.
Ir-rejds seħħew jumejn wara li prosekutur kien spiċċa maqtul, f’Istanbul, waqt sitwazzjoni ta’ ostaġġi; bl-awtoritajiet Torok iwaħħlu l-ħtija fil-militanti tal-Front Rivoluzzjonarju tal-Partit Popolari għal-Liberazzjoni li hu magħruf bħala moviment estremista.
Anki lbieraħ kien hemm inċident ieħor fejn żewġ militanti ippruvaw jassedjaw il-kwartieri-ġenerali tal-pulizija f’Istanbul. Il-pulizija spiċċaw joqtlu mara armata bil-grenades u li kienet involuta f’dan l-attakk, minbarra li arrestaw raġel li ssemma bħala kompliċi tal-mara maqtula li ssemmiet bħala Elif Sultan Kalsen. Mifhum ukoll li Kalsen kienet membru magħrufa tal-grupp tal-militanti xellugin.
//= $special ?>