Wara li nstab ħati mill-Qorti, Cyrus Engerer b’impjieg fi Brussell bl-istess natura ta’ xogħol ta’ meta kien fl-Uffiċċju tal-PM
Filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat ta kariga għolja fi Brussell lill-kandidat Laburista Cyrus Engerer minkejja li kien ikkundannat b’sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs mill-Qorti tal-Appell, taħt l-istess Prim Ministru fis-sentejn ta’ dan il-Gvern tkeċċew 12-il Uffiċjal Pubbliku minn fuq il-post tax-xogħol wara li nstabu ħatja ta’ reat kriminali mill-Qorti, u 31 oħra ġew sospiżi temporanjament minħabba li kienu qed jiffaċċjaw akkużi ta’ natura kriminali fil-Qrati.
Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma l-passi dixxipplinarji li ttieħdu kontra impjegati tas-settur pubbliku meta wieġeb għal mistoqsijiet tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, li staqsa lill-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati fis-settur pubbliku li ġew sospiżi jew imkeċċija mix-xogħol bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-8 ta’ Marzu 2015 minħabba li nstabu ħatja mill-Qorti ta’ reat kriminali; jew minħabba li kienu qed jiffaċċjaw akkużi ta’ natura kriminali.
Iżda minkejja dawn il-miżuri ta’ dixxiplina li ttieħdu fis-settur pubbliku, il-Prim Ministru Joseph Muscat ta impjieg lil Cyrus Engerer fi Brussel, f’liema impjieg qiegħed jibqa’ jagħmel xogħol tal-istess natura li kien qed iwettaq qabel fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Cyrus Engerer ingħata impjieg b’responsabbiltà li jikkoordina x-xogħol tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan l-impjieg daħal fis-seħħ minn xahar wara li kien instab ħati mill-Qorti, meta wkoll kellu jirtira l-kandidatura tiegħu minn kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet sabet lill-kandidat Laburista Cyrus Engerer ħati li xerred ritratti pornografiċi tal-ekspartner tiegħu, ma’ persuni oħrajn biex ipattihielu talli telqu u javvelih ma’ sħabu u anke ma’ min iħaddmu. L-istess Qorti kienet tat sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs lil Cyrus Engerer.
24 siegħa wara s-sentenza tal-Qorti, Cyrus Engerer kien ingħata merħba ta’ eroj mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività tal-Partit Laburista. Attività li kienet indirizzata biss minn Muscat u minn Engerer stess – l-għada li ngħatat is-sentenza mill-Qorti.
//= $special ?>