Disat’ijiem qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u r-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa, dawk li ma ġabrux id-Dokumenti tal-Vot għad għandhom ċans sas-Sibt li ġej, inkluż għada l-Ġimgħa l-Kbira, biex jiġbru d-Dokument tal-Vot personalment mill-Għassa tal-Pulizija. Bejn is-6 u d-9 ta’ April, id-Dokumenti tal-Voti jistgħu jinġabru personalment miċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti (il-Kumpless tat-Trade Fair) fin-Naxxar jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fir-Rabat Għawdex.
Fir-rigward tar-Referendum tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa, b’kollox għadhom ma nġabrux madwar 36,000 Dokument tal-Vot, jiġifieri madwar 11%. San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema u Birkirkara s’issa huma l-aktar tliet lokalitajiet li fihom ma nġabrux Dokumenti tal-Vot.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali qed tavża li fil-Jum tal-Votazzjoni fl-Isptarijiet Mater Dei, Karen Grech, Monte Carmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Ħamis li ġej, 9 ta’ April, mhux se jkunu jistgħu jilqgħu viżitaturi ħlief bejn is-7pm u t-8pm. Madankollu, f’każijiet serji ta’ saħħa, jistgħu jsiru eċċezzjonijiet jekk il-viżitaturi jkollhom permess mill-Kummissjoni Elettorali bi ftehim mat-tmexxija tal-Isptar partikolari.
Sadanittant, il-Kummissjoni Elettorali qed tavża wkoll li fil-11 ta’ April, persuni li jippreżentaw il-KartAnzjan u li ma għalqux il-75 sena, se jitħallew jaqbżu l-kju bejn is-1pm u l-5pm. Fil-każ ta’ dawk li għalqu l-75 sena u jinġiebu fuq strecher jew mill-Isptarijiet u d-Djar tal-Anzjani, għandhom jitħallew jaqbżu l-kju f’kull ħin mingħajr il-ħtieġa ta’ Ċertifikat tat-Tabib.
Persuni oħrajn li jkunu morda u ma jistgħux jistennew, irid ikollhom Ċertifikat tat-Tabib biex jitħallew jaqbżu l-kju wara s-1pm. Dawk il-persuni li jippreżentaw il-Karta tal-Identità Speċjali, maħruġa mil-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabbiltà (KNPD) jingħataw l-istess faċilità.
//= $special ?>