Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqgħu folji tal-ħġieġ fuqu fi Triq Valletta, il-Marsa. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3 ta’ waranofsinnhar.
Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jidher li l-ħaddiem, li għandu 33 sena sofra ġrieħi serji hekk kif xi folji tal-ħġieġ, li kienu jinsabu mal-art, allegatament waqgħu u laqtu lill-vittma. Ir-raġel ġie meħud l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.
Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.
Bil-każ ġiet infurmata Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li appuntat.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet sabiex tistabillixxi l-fatti li seħħew fil-ħin tal-inċident.
//= $special ?>