Lokali

Il-Gvern għandu jindirizza bis-serjetà u malajr il-karigi vojta tal-MTA barra minn pajjiżna – il-PN

L-Oppożizzjoni fi stqarrija qalet li tinsab imħassba għal riżenja oħra li seħħet fl-aħħar jiem, din id-darba tad-Direttur tal-Uffiċju tal-Marketing fl-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fir-Renju Unit, li hu bbażat f’Londra. Dan l-uffiċjal kien responsabbli mill-marketing fl-akbar suq tat-turiżmu għal Malta.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg qal li din ir-riżenja tfisser li l-uffiċju tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu f’Londra ngħaqad ma’ dawk ta’ Franza u l-Ġermanja, li ilhom għal dawn l-aħħar xhur mingħajr Direttur, minħabba li r-riżenja jew iċ-ċaqliq li kien hemm ma ġewx ikkumpensati b’ħatriet oħra. L-Oppożizzjoni ilha numru ta’ ġimgħat tiġbed l-attenzjoni tal-Gvern, nkluż fil-Parlament, dwar dawn in-nuqqasijiet.

In-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista, biex jimtlew dawk il-karigi turi l-attitudni tal-Gvern lejn dawn is-swieq li minn dejjem kienu importanti u kontributuri ewlenin għall-industrija turistika f’pajjiżna. Minn naħa l-oħra, l-Gvern ra kif għamel u mall-ewwel ħatar lill-partner tal-mara tal-Prim Ministru, Michelle Buttigieg, f’kariga ta’ €60,000 fi New York, u dan minkejja li s-suq Amerikan jirrapreżenta biss 2% tas-suq turistiku, waqt li dak Ewropew jammonta għal 85%.

Ir-riżultati pożittivi miksuba matul is-snin fis-settur turistiku huma riżultat tal-ħidma importanti li jwettqu dawn l-uffiċini fis-swieq rispettivi tagħhom. F’dan id-dawl, l-Oppożizzjoni qed tinsisti mal-Gvern biex jaġixxi malajr fuq dawn il-karigi, u jassigura li persuni kompetenti jingħataw ir-rwol li jirreklamaw lil pajjiżna fi swieq importanti, biex is-settur turistiku jkompli jħalli l-frott fl-ekonomija Maltija, temm jgħid il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Antoine Borg.