Lokali

Il-UĦM tkompli bl-azzjonijiet industrijali fl-NSO

Il-UĦM qalet li t-Taqsima Entitajiet Pubblici tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) kompliet bl-azzjonijiet industrijali gewwa l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika.

It-Taqsima Entitajiet Pubblici fi hdan il-UĦM irrikorriet għal dawn l-azzjonijiet minħabba dewmien esaġerat minn naħa tal-NSO sabiex jiġu konklużi d-diskussjonijiet rigward diversi pendenzi fosthom fl-istreaming tal-gradi, ftehim tal-parkeġġ, u kwistjonijiet dwar saħħa u sigurta’.

F’dan ir-rigward il-UĦM qalet li trid turi d-diżżapunt tagħha għad-dewmien fin-negozjati fil-konfront tal-ħaddiema fi ħdan din l-entita’. Dan fid-dawl wkoll li minkejja li l-UĦM ilha li resqet il-proposti tagħha mill-2014, sal-lum il-ġurnata, il-union għada ma ngħatat ebda tip ta’ kontro-proposta tanġibbli.

Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu u wara li sar kull tentattiv biex din is-sitwazzjoni tiġi riżolta, jidher li l-awtoritajiet ma ħallew l-ebda triq oħra lil din it-Taqsima ħlief li tkompli teskala l-azzjonjiet industrijali tagħha, tenniet il-UĦM.

Għal din ir-raġuni, it-Taqsima Entitajiet Pubbliċi ikkomunikat mal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, kif ukoll mal-PACBU (Public Administration and Collective Bargaining Unit) li kienet se tkompli bl-azzjonijiet industrijali tagħha ġewwa l-NSO. Fl-istess waqt, fuq is-sitwazzjoni tal-parkeġġ ġew ordnati wkoll azzjonijiet industrijali ġewwa l-Commerce Division.