Internazzjonali

Imutu l-għexieren tal-baħrin fl-għarqa ta’ trawler

Mietu talanqas 54 baħri wara li għereq trawler ‘il hinn mill-penisola ta’ Kamchatka, lejn il-Lvant Imbiegħed tar-Russja.

L-aħħar rapporti qalu li l-qawwiet tal-emerġenza rnexxielhom isalvaw ‘il fuq minn sittin persuna mill-baħar, li ħafna minnhom kienu qed ibatu mill-effetti tal-hypothermia. Intant, talanqas 15 oħra huma rappurtati nieqsa.

It-trawler Russu, bl-isem Dalniy Vostok, kellu 132 persuna abbord meta għereq fil-Baħar ta’ Okhotsk. Mifhum li l-Kaptan ta’ dan il-vapur hu fost dawk li tilfu ħajjithom fit-traġedja.

Qrib it-80 baħri tat-trawler huma ta’ nazzjonalita Russa waqt li 42 oħra ġejjin minn Myanmar. Il-kumplament tal-ekwipaġġ huma ċittadini tal-Latvja, l-Ukrajna u Vanuatu.