Rapporti minn Franza qalu li nstab it-tieni flight recorder – jew kaxxa s-sewda – tal-ajruplan tal-linja Germanwings li ġġarraf jiem ilu qalb l-Alpi Franċiżi, waqt titjira minn Barċellona lejn il-belt Ġermaniża ta’ Dusseldorf.
L-aħbar ingħatat mill-Prosekutur ta’ Marsilja, b’din is-sejba ssir diversi jiem wara li l-ewwel voice recorder tal-ajruplan kien elevat mis-sit fejn kien niżel l-ajruplan, fl-24 ta’ Marzu.
Ir-recordings li ttieħdu mill-ewwel kaxxa s-sewda tal-ajruplan issuġġerew li l-kopilota, Andreas Lubitz, kellu l-intenzjoni li jeqred l-ajruplan u li kien proprju Lubitz li wassal għall-azzjoni li swiet il-ħajja tal-150 persuna abbord.
Fi żvilupp separat, il-Prosekuturi Ġermaniżi żvelaw li Lubitz kien stħarreġ dwar il-metodi li jistgħu jirriżultaw f’suwiċidju, kif ukoll dwar il-miżuri tas-sigurta għall-bibien tal-kabini tal-pilota fuq l-ajruplani.
Id-dettalji mill-kaxxi s-suwed tal-ajruplan jitqiesu bħala importanti ferm għall-investigazzjonijiet rigward l-ajruplan tal-German Wings; il-kumpannija tal-ajru li hi sussidjarja tal-linja Ġermaniża Lufthansa.
//= $special ?>