Ir-ribelli Houthi li kkaġunaw l-aħħar kriżi allarmanti fil-Jemen jidhru li intensifikaw l-offensiva fuq il-belt tal-port ta’ Aden. Dan fost rapporti dwar ‘il-preżenza tat-truppi ġodda’ fl-inħawi, u li mifhum li twasslu għal hemm f’dawn l-aħħar sigħat.
L-ewwel rapporti indikaw li t-truppi inkwistjoni setgħu kienu barranin, iżda konsulenti mal-Arabja Sawdija – li qed tmexxi koalizzjoni militari kontra r-ribelli Houthi – ċaħdu għall-allegat intervent barrani.
Mhux eskluż, fil-fatt, li s-suldati partikolari jistgħu huma leali għall-President imkeċċi tal-Jemen, Ali Abdullah Saleh, li qed jappoġġja lir-ribelli.
L-inħawi ta’ Aden, fl-aħħar jiem, servew bħala zona għall-battalji ħorox bejn il-grupp tar-ribelli Houthi u l-qawwiet li qed jiddefendu din il-belt, meqjusa bħala fortizza ewlenija tal-Gvern tal-Jemen.
Il-President tal-Jemen, Abdrabbuh Mansour Hadi, ftit tal-jiem ilu, kien kostrett li jaħrab quddiem l-offensiva ta’ dawn ir-ribelli.
L-aħħar rapporti qalu li suldat Sawdi li nzerta fl-inħawi tal-fruntiera mal-Jemen spiċċa maqtul b’riżultat ta’ sparatura. Dan hu l-ewwel każ fejn membru tal-militar Sawdi kellu jitlef ħajtu mindu l-koalizzjoni bdiet il-kampanja mill-ajru attwali kontra l-Houthi li jingħad li qed jingħataw ‘l-armi u l-finanzi’ mill-Iran.
//= $special ?>