Internazzjonali

Kellu bżonn kull ‘ċajta’ jkollha tmiem daqstant feliċi…

Koppja miżżewwġa minn Lincolnshire, fir-Renju Unit, kienu konvinti li spiċċaw vittma ta’ ċajta tal-Ewwel ta’ April — b’din tkun ‘ir-reazzjoni naturali tagħhom’ ladarba saru jafu li huma kienu rebħu ‘l fuq minn 53 miljun lira Sterlina fil-lotterija.

Intant, dan kien każ tipiku li ‘l-verita m’hemmx isbaħ minnha’, bil-koppja, Richard u Angela Maxwell, jirbħu s-somma ta’ €53,193,914 fil-‘jackpot draw’ tal-EuroMillions, li hi waħda mill-akbar premjijiet ta’ dan it-tip li qatt intrebħu.

Il-lotterija ttellgħet nhar it-Tlieta, u Richard Maxwell, li jaħdem bħala konsulent mal-industrija tal-biedja (u li qed jaħseb biex jirtira) irrakkonta li ‘ma setax jemmen għajnejh meta ra li n-numri rebbieħa qablu ma’ dawk li kien hemm fuq il-biljett tiegħu u ta’ martu’.

Iżda hu ħa ‘l-vera xokk ta’ ħajtu’ meta induna li biljett wieħed biss kien rebaħ it-€53 miljun tal-Euromillions. Dak il-ħin, Maxwell kien kważi mija-fil-mija konvint li xi ‘bravu’ – ħabib jew membru tal-familja – kien għamel scanning tal-biljett tiegħu u tefgħu fuq il-websajt bħala ċajta….. ‘Wara kollox, l-Ewwel ta’ April kien magħna u kulħadd jaf li, dakinar, il-buffunati jispikkaw daqsxejn aktar mis-soltu’.

Intant, Richard hu magħruf bħala bniedem li jħobb jilgħab ‘xi ċajta jew tnejn fuq in-nies’ u lanqas il-mara tiegħu stess ma emmnitu meta qalilha, b’leħen jirtogħod, dwar kemm kien daħkilhom id-destin…

Iżda n-numri ma jigdbux u – ‘wara l-ħass ħazin inizjali’ – il-koppja, issa, qed tippjana ċelebrazzjoni kif jixraq, flimkien maż-żewġ uliedhom, u fejn (għalissa) qed jaħsbu biex iqattgħu btajjel fit-tul fi New Zealand.