Lokali Parlament Saħħa

L-id il-leminija ma tafx x’qed tiprova tagħmel l-id ix-xellugija

Il-Ministru Chris Cardona akkumpanjat mill-Prim Ministru Joseph Muscat

Aktar ma jgħaddu jiem, aktar il-poplu Malti u Għawdxi qed jirrealizza li dak li ħabbar b’tant pompa Joseph Muscat fit-18 ta’ Marzu li għadda, mhu xejn “done deal“, tant li qed joħloq aktar dubji milli jwieġeb mistoqsijiet.

Fi stqarrija f’isem ix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Claudio Grech, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif ilbieraħ fil-Parlament, il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona, li hu wkoll responsabbli mill-Malta Enterprise, iddikjara diversi drabi li l-ftehim ma’ Barts hu biss Memorandum of Understanding.

Madankollu, illum il-Gvern ta’ Joseph Muscat ħareġ stqarrija li fiha qed jikkontradixxi dak li stqarr Chris Cardona fil-Parlament. Iżda b’din l-istqarrija, il-Gvern qed joħloq aktar dubji u mistoqsijiet. Dan hekk kif l-aħħar sentenza tal-istqarrija tal-Gvern tgħid li l-ftehim ma’ Barts “will be signed when the premises are completed“, jiġifieri s’issa għad m’hemm l-ebda ftehim konkret dwar minfejn se topera Barts.

L-Oppożizzjoni tinnota kif l-istqarrija ma tgħid xejn dwar dak li qal il-Ministru Chris Cardona lbieraħ filgħaxija fil-Parlament, jiġifieri li Barts se tkun qed tagħmel investiment ta’ €200 miljun. Dan minkejja li l-istess skola diġà qalet fil-pubbliku b’mod ċar li l-investiment ta’ €200 miljun mhux se jsir minnha. Min qed jgħid il-verità, il-Gvern ta’ Muscat jew Barts, staqsa l-Partit Nazzjonalista.

L-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jippubblika minnufih il-ftehim li ffirma ma’ Barts biex iserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi kollu, u anke ras l-impjegati fis-settur tas-Saħħa u l-istudenti tal-Mediċina.