Nanna fl-Italja vvelenat lilha nnifisha u lin-neputijiet tagħha meta serviethom ċikkulata sħuna li kienet ilha skaduta 25 sena.
L-anzjana ta’ 77 sena sabet xi pakketti taċ-ċikkulata fil-kċina tagħha u ħalltithom mal-ħalib sħun għax kienet taf li ż-żewġ neputijiet tagħha u ħabiba tagħhom iħobbuha ħafna. Hi, ir-raġel u t-tifel ukoll daqu minnha. Ir-raġel tagħha kien l-ewwel wieħed li beda jbati mill-effetti hekk kif spiċċa ġej u sejjer fil-kamra tal-banju. Ftit wara, anke t-tfal ħassew l-effetti u l-grupp kollu spiċċa l-isptar.
Wieħed min-neputijiet, ta’ bejn 8 u 12-il sena, baqa’ l-isptar għal tliet ġimgħat sħaħ.
Malli n-nanna marret lura d-dar, mill-ewwel issuspettat fiċ-ċikkulata sħuna u malli qabdet f’idha l-pakkett rat id-data tal-iskadenza…li kienet il-5 ta’ Ġunju tal-1990. Kienet taf li kienet xtrat il-pakkett “xi snin qabel” imma ma rrealizzatx li kienu għaddew daqshekk snin.
Id-data ta’ meta skadiet iċ-ċikkulata kienet fix-xahar li matulha l-Italja organizzat it-Tazza tad-Dinja, meta beda t-twaqqigħ tal-Ħajt ta’ Berlin, u meta l-Istati Uniti u r-Russja ffirmaw trattat biex iwaqqfu l-produzzjoni ta’ armi kimiċi. Kien ukoll ix-xahar meta JK Rowling temmet il-kitba ta’ Harry Potter and teh Philosopher’s Stone.
Rapporti mill-Italja qed jgħidu li n-nanna qed tiffaċċja l-possibiltà ta’ akkużi mill-awtoritajiet.
//= $special ?>