Il-Facebook Page tal-programm sportiv ta’ Net Television Replay, esklussivament qed tiżvela korrispondenza oħra li ntbgħatet bejn ir-referees membri tal-Malta Football Referees Association fir-rigward tal-aħħar inċidenti u vjolenza li kien hemm fuq ir-referees f’Malta. Din id-darba r-referee Kar Frendo Cumbo, li x-xahar li għadda telaq minn partita ta’ taħt id-19-il sena mingħajr ma saffar tmiem il-partita għaliex allegatament kien se jkun aggredit minn żewġ plejers, qed jitfa’ pressjoni kbira fuq l-ogħla uffiċjali tal-MFRA, fosthom il-President Lorry Sammut, sabiex dawn jieħdu azzjoni fl-interess tar-referees. Jingħad li sal-lum l-MFRA għadha ma rċeviet ebda korrispondenza mill-MFA dwar it-talba li għamlet sabiex partiti ta’ taħt id-19-il sena jingħtlabu fil-presenza tal-Pulizija.
L-e-mail li qed jippublika Replay hi miktuba minn Frendo Cumbo lill-membri kollha tal-MFRA u li turi bl-aktar mod ċar id-diżappunt tar-referee li sal-lum ma kien hemm ebda deċiżjoni meħuda mill-MFA fl-aħjar interess tar-referees. Ir-referees li tkelmu ma’ Replay qalu li fl-aħħar laqgħa tal-MFRA kien deċiż li l-assoċjazzjoni tagħti ċans sal-aħħar ta’ Marzu biex l-MFA jibdew jibgħatu l-Pulizija għall-partiti ta’ taħt id-19-il sena, iżda sal-lum ir-referees tħallew fl-għama u mingħajr ebda direzzjoni mill-għola uffiċjali tal-MFRA. Kien hawnhekk fejn Frendo Cumbo kiteb lir-referees kollha membri u qalhom li dak li r-referees iddeċidew fl-aħħar laqgħa qed jiġi injorat u ‘li hu ċar li l-MFA qed tipprova tipposponi kollox sat-tmiem tal-istaġun biex kollox jintesa kif seħħ fil-passat.’
Fl-e-mail esklussiva li qed jippublika Replay, Frendo Cumbo jikkritika d-deċiżjoni li l-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA jagħti sospensjoni ta’ tliet partiti lill-plejers involuti u tenna li ‘dan hu l-valur li l-MFA tagħti lejn il-protezzjoni tar-referees’. Frendo Cumbo ħeġġeġ lil sħabu r-referees biex iqumu u jaġixxu għaliex l-aħbar li jmiss taf tkun li referee f’Malta jinqatel.


