Internazzjonali

Jinqatlu talanqas 70 ostaġġi waqt attakk fuq universita fil-Kenja

Numru ta’ aggressuri mal-grupp al-Shabab – magħmul mill-militanti Iżlamiċi – qatlu talanqas 70 persuna waqt attakk fuq kumpless tal-universita, lejn il-Grigal tal-Kenja.

L-aħħar rapporti qalu li mat-tmenin indarbu fl-istess attakk waqt li aktar minn 500 student kienu salvati mit-terroristi li okkupaw il-campus tal-Universita ta’ Garissa.

L-assedju, li beda kmieni filgħodu, dam għaddej għal sigħat u l-Ministru tal-Intern tal-Kenja, Joseph Nkaiserry, qal li erba’ mill-aggressuri spiċċaw maqtula mill-membri tal-Armata.

Intant, il-qawwiet Niġerjani baqgħu għaddejjin bl-isforzi intensivi biex jirristawraw is-sigurta fl-inħawi, bir-rapporti jirreferu għal curfew ta’ bil-lejl li se jibqa’ effettiv għal diversi bnadi tan-Niġerja.

Persuni li kienu fiz-zona tal-qtil qalu, aktar qabel, li l-militanti mgħammdin kienu qed jisparaw fuq min ġie ġie, mingħajr rispett għal ħadd. Dan fost l-inkwiet li ċ-ċifra tal-mejtin tista’ tkompli tiżdied fis-sigħat li ġejjin.

Rapporti oħra qalu li l-ġellieda ta’ al-Shabab, li għandu r-rabtiet mal-grupp terroristiku Al-Qaida, kienu qed iżommu lill-Kristjani bħala ostaġġi filwaqt li jeħilsu lill-Musulmani.