Quiven, li llum għandu sena u xahrejn, kien għad għandu tmien xhur, meta sabulu tumur f’għajnejh.
Wara l-aħbar, lill-ġenituri tiegħu qalulhom li Quiven kellu jitla’ l-Ingilterra biex issirlu operazzjoni serja.
“L-operazzjoni saret lejlet il-Milied li għadda. Kien Milied li jien u żewġi ma ninsewh qatt. Lejlet il-Milied, meta kulħadd ikun qed jiċċelebra, ibni kien fuq il-mejda tal-operazzjoni, u aħna barra nistennew u nitolbu…nimxu mal-kuritur u nitolbu,” qaltilna Karen Ellul, omm Quiven.
“Minkejja li t-tifel tilef għajnu, l-operazzjoni rnexxiet u t-tumur telaq u ma kompliex jinfirex. It-tobba qalulna li normalment it-tumur ikun f’għajn waħda. Iżda għal ibni ma kienx hekk għax it-tumur ħareġ fl-għajn l-oħra wkoll,” kompliet tirrakkonta Karen ma’ ‘In-Nazzjon’.
“It-tobba qalulna li hemm ċans li jkollhom ineħħu l-għajn l-oħra u ibni jagħma għalkollox,” tistqarr Karen imbikkma.
Dan kien mument li fih kull omm tħoss id-dinja litteralment taqa’ fuq rasha. Kompliet tgħidilna, “ma niflaħx nara lil ibni, għadu żgħir tant, jitlef id-dawl ta’ għajnejh. L-aħħar darba li libes tal-Karnival, lanqas seta’ jara u jgawdi l-kostum.”
Johann, missier Quiven, jgħidilna li l-Ingilterra staqsa jekk jistax jagħti għajnejh biex it-tifel ikun jista’ jibqa’ jara, imma kuntrarju għal dak li xtaq, qalulu li dan ma kienx possibbli.
Omm Quiven, Karen, ukoll kienet lesta li tagħtih għajn waħda, imma mhux it-tnejn, “għax nixtieq li hu jkun jista’ jara lili u jien inkun nista’ nara lilu jikber”.
Karen u Johann għadhom kif reġgħu lura mill-Ingilterra fl-aħħar jiem. “Qed nistennew biex jaraw hux se jaħdem il-chemo. Inżilna b’tama qawwija. Wasalna proprju fil-ħin biex għada, il-Ġimgħa l-Kbira, immorru fuq ‘Xarabank’ inwieġbu t-telefonati u nkunu parti minn din il-festa ta’ solidarjetà,” sostniet omm Quiven, li kompliet li Puttinu huwa ta’ sapport kontinwu għal Quiven.
“Allaħares ma jkunux huma…jimxu t-triq kollha miegħek, Rennie (Zerafa) jgħidlek…ħudu ħsieb it-tifel u l-bqija ħalluh f’idejna. Għalhekk, għada se nkun hemm il-programm kollu.”
Il-ġenituri ta’ Quiven wasslu messaġġ lill-Maltin biex għada f’‘Xarabank’ ikunu ġenerużi.
“M’għandix għalfejn ngħidilhom għax in-nies naf kemm diġà għamlu ma’ ibni permezz ta’ Puttinu u hekk se jerġgħu jagħmlu biex ikomplu jgħinu lil ibni u tfal morda bħalu.”
Għada, Jum il-Ġimgħa l-Kbira – fi programm speċjali – ‘Xarabank’ se jiġbor għal Puttinu Cares. L-ewwel donazzjoni se tagħtiha l-mamà ta’ Leah Xuereb, flus li nġabru għal Puttinu waqt il-quddiesa tal-funeral li saret nhar it-Tnejn waranofsinhar f’Għajnsielem, Għawdex. Dan wara li Leah tilfet il-ġlieda mal-kanċer nhar is-Sibt li għadda 28 ta’ Marzu.
//= $special ?>