Internazzjonali

Informazzjoni li ‘tikkonferma’ l-intenzjoni tal-kopilota Lubitz

It-tieni kaxxa s-sewda tal-ajruplan tal-Germanwings li ġġarraf jiem ilu fl-Alpi Franċiżi ipproduċiet informazzjoni li tikkonferma li l-kopilota, Andreas Lubitz, aġixxa bl-intenzjoni li jwassal għat-traġedja li fiha tilfu ħajjithom 150 persuna.

Il-kaxxa s-sewda inkwistjoni instabet ilbieraħ u l-aġenzija Franċiża li qed tinvestiga t-tiġrif tal-ajruplan irreferiet għall-indikazzjonijiet li Lubitz kemm il-darba aċċellera l-inżul tal-ajruplan fil-minuti fatali. L-ajruplan, dak il-ħin, kien qed jivvjaġġa minn Barċellona lejn il-belt Ġermaniża ta’ Dusseldorf.

Skont l-ewwel indikazzjonijiet, il-kopilota uża s-sistema tal-automatic pilot biex iniżżel l-ajruplan u fejn imbagħad, immodifika s-settings kemm il-darba biex iżid il-veloċita tal-inżul.

Ftit tal-jiem ilu, l-informazzjoni li nkisbet mill-ewwel kaxxa s-sewda tal-ajruplan indikat li Lubitz kien sakkar il-pilota barra l-kabina qabel wettaq l-azzjoni.

Fl-istess ħin, il-Prosekuturi Ġermaniżi qed jgħidu li l-kopilota, ġimgħa qabel l-inċident, kien daħal fuq l-Internet biex janalizza diversi metodi ta’ suwiċidju minbarra s-sistemi tas-sigurta għall-bibien tal-kabini għall-piloti fuq l-ajruplani.