L-Istruttura tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu (MTA) tinkludi numru ta’ diretturi li huma assenjati għall-iktar swieq turistiċi importanti għal Malta.
Ix-xogħol ta’ dawn id-diretturi hu li jmexxu l-uffiċċji reġjonali tal-MTA f’dan il-pajjiż u jmexxu l-kampanji promozzjonali biex jiżdied it-turiżmu lejn Malta minn dan il-pajjiż.
Il-Ħamis l-MTA ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għal-direttur fl-uffiċċju li għandha fi Frankfurt li minnu titmexxa l-kampanja promozzjonali fis-suq Ġermaniż.
Iżda filwaqt li fil-passat, kulmin kien ikun f’din il-kariga għolja kien mistenni li jkollu lawrja f’oqsma bħal Marketing, Komunikazzjoni, Studji Turistiċi jew Management, f’dan il-każ il-lawrja ma baqgħetx obbligatorja.
Fil-fatt fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, il-lawrja għadha fost il-kwalifiki mitluba iżda issa saret possibbli li wieħed japplika anki minghajr first-degree. Kulma jrid ikollu l-applikant hu li jkollu 7 snin esperjenza fl-oqsma li tagħhom qed tintalab il-lawrija u sentejn minn dawn iridu jkunu f’kariga maniġerjali.
In-Nazzjon hu infurmat li din il-bidla saret sabiex tkun aġevolata persuna partikolari. Din il-persuna hi Peter Cauchi, Malti ta’ nisel Ġermaniż u li hu magħruf bħala qrib tal-Partit Laburista. Jidher li iktar kmieni, Cauchi kien applika għal din il-kariga iżda wara li ntgħazel mill-Bord tal-Għażla, sar magħruf li Peter Cauchi m’għandux il-lawrja meħtieġa għal dan ix-xogħol.
Għaldaqstant il-Ħamis, inħarġet sejħa oħra fejn il-ħtieġa tal-lawrja m’għadhiex obbligatorja. Flimkien ma’ sieħeb ieħor, Cauchi jmexxi agenzija ta’ destination management li torganizza konferenzi f’Malta.
Sa issa, ma kienx possibbli li l-kariga ta’ direttur f’entita’ pubblika, li hi ekwivalenti għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali fuq skala 3 fis-servizz pubbliku, tkun miftuħa għal persuna li m’għandhiex first degree.
Biex wiehed jara kemm qed tkun aġevolata din il-persuna, biżżejjed li jitqies li kwalunkwe kariga fis-servizz pubbliku mill-kariga ta’ principal – skala 10 – ‘il fuq u li trid timtela minn barra, tirrikjedi li l-persuna jkollha edukazzjoni ta’ livell terzjarju.
//= $special ?>