Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, fisser il-ftehim kruċjali li jimponi limiti sinifikanti għall-programm nukleari tal-Iran bħala ‘ftehim storiku’ li, jekk ikun rispettat minn kulħadd, għandu jnaqqas mill-periklu għad-dinja.
L-abbozz tal-ftehim intlaħaq tard fil-lejl tal-Ħamis wara taħditiet fit-tul intiżi biex l-Iran ma jasalx f’sitwazzjoni fejn seta’ jiżviluppa arma nukleari. Intant, l-iżvilupp ifisser li l-Iran se jingħata ftit tan-nifs mis-sanzjonijiet li ilhom żmien imposti fuqu minħabba l-kunċett nukleari, iżda dan se jkun parti minn proċess gradwali.
L-Iran u s-sitt potenzi tal-Punent li huma l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, ir-Russja, Franza, iċ-Ċina u l-Ġermanja issa jridu jiffinalizzaw il-ftehim storiku.
Fl-istess ħin, diskors Barack Obama għamilha ċara li d-dinja kollha ssir taf jekk il-Gvern Iranjan jiddeċiedi li jmur lura min kelmtu f’dawn iċ-ċirkostanzi. Obama kompla li l-ftehim inkwistjoni jibbaża fuq il-verifika u mhux il-fiduċja u jekk il-patt ikun finalizzat skont il-kriterji stabbiliti, il-komunita internazzjonali tkun tista’ tirrisolvi waħda mill-akbar theddid għas-sigurta.
Il-parametri tal-ftehim jesiġu, fost oħrajn, biex l-Iran inaqqas aktar minn żewġ-terzi tal-faċilitajiet tiegħu li jistgħu jipproċessaw l-uranju sal-livell fejn ikun inkorporat fl-armi qerrieda.
Sadanittant, il-ftehim intlaqa’ bil-ferħ mill-poplu Iranjan li ħareġ jiċċelebra fit-toroq, iżda Iżrael qed iqis l-istess patt bħala żvilupp li jhedded l-eżistenza tiegħu – bil-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu iwissi dwar l-element ta’ sogru involut.
//= $special ?>