Internazzjonali

Il-Kenja tirreaġġixxi għall-massakru tal-istudenti

L-awtoritajiet tal-Kenja qed jevalwaw b’urġenza s-sitwazzjoni tas-sigurta fir-reġjun ta’ Garissa wara li l-militanti tal-grupp al-Shabab, nhar il-Ħamis, attakkaw l-universita taz-zona u massakraw almenu 147 student, li mifhuma kienu kollha Kristjani.

Il-katavri ta’ ħafna mill-vittmi, fl-aħħar sigħat, kienu qed jitwasslu lejn Najrobi, il-belt kapitali tal-Kenja, għall-identifikazzjoni. Dan meta l-kmamar mortwarja ta’ Garissa ma setgħux ilaħħqu mal-għexieren tal-katavri li bdew jaslu, bir-rapporti jgħidu li ħafna mill-istudenti maqtula kienu ġejjin minn diversi bnadi tal-Kenja.

L-assedju fuq l-universita intemm fil-lejl tal-Ħamis, bil-qawwiet tas-sigurta Kenjani joqtlu talanqas erba’ aggressuri tal-grupp al-Shabab. Aktar minn 500 student irnexxielhom jaħarbu mill-massakru, bil-militanti anki joqtlu lil diversi membri tas-sigurta.

Il-grupp al-Shabab, li ħa responsabbilta għall-attakk, għandu l-konnessjonijiet mal-moviment Al-Qaida u qed jgħid li jinsab fi gwerra mal-Kenja. Dan wara li l-Kenja, fl-2011, kienet bagħtet is-suldati fis-Somalja biex jiġġieldu kontra l-istess militanti li għandhom il-bażijiet fil-pajjiż partikolari.