Internazzjonali

Investigata ‘l-gaġġa fil-klassi’ għal tifel bi bżonnijiet speċjali

Uffiċjali fl-Awstralja jinsabu xxukkjati għar-rapporti li skola ta’ Canberra bniet struttura bħal gaġġa li tpoġġiet fil-klassi għal student partikolari bi bżonnijiet edukattivi speċjali.

L-Uffiċjali tal-Istat ikkundannaw l-istruttura ‘u l-kunċett ta’ warajha’, bil-prinċipal tal-iskola inkwistjoni, għalissa, qed tieħu ħsieb biss id-doveri amministrattivi. Min-naħa tagħha, Joy Burch, bħala l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni fl-Assemblea Leġislattiva tal-Capital Territory (tal-Awstralja) ħarġet direttiva biex il-każ ikun investigat bis-sħiħ.

L-istampa Awstraljana qalet li t-tfajjel speċifiku li qed jingħad li ‘uża l-istruttura bħala l-ispazju tiegħu’ għandu 10 snin u jbati bl-awtiżmu.

Il-Ministru Burch sostniet li saret taf bis-sitwazzjoni ftit tal-jiem ilu u ma tistax tifhem kif xi ħadd involut fis-sistema tal-iskejjel fl-Awstralja seta’ jikkunsidra struttura ta’ dan it-tip bħala aċċettabbli jew xierqa.

Intant, Burch ikkonfermat li tneħħiet l-istruttura li sa ftit ilu serviet bħala ‘spazju għat-tifel’ fil-klassi.