Il-qawwiet tal-baħar Ċiniżi evakwaw mal-225 barrani u kważi 600 ċittadin Ċiniż mill-inħawi ta’ Aden, fil-Jemen. Intant, din kienet l-ewwel darba li l-militar taċ-Ċina mar isalva lill-barranin minn zona ta’ periklu.
Numru ta’ frejgati qasmu l-Baħar l-Aħmar biex iwasslu lin-nies evakwati fi Djibouti u minfejn kellhom jaqbdu l-ajruplani lura lejn pajjiżhom.
Sadanittant, it-Turkija kkonfermat li vapur tal-gwerra tagħha ħa ħsieb l-evakwazzjoni ta’ xi 55 Tork mill-inħawi ta’ Aden.
Bħalissa, l-Jemen jinsab għaddej minn konflitt qalil, bir-ribelli ‘Houthi’, fl-aħħar sigħat, jabbandunaw il-palazz tal-Presidenza, f’Aden, li kienu okkupaw għal żmien.
Mietu l-għexieren tan-nies fl-aħħar battalji bejn ir-ribelli u l-qawwiet tal-Jemen li huma leali għall-President, Abdrabbuh Mansour Hadi, li kien kostrett li jaħrab minħabba l-periklu.
//= $special ?>