Internazzjonali

Jgħid li l-Britanniċi kienu spjunaw fuq l-Arġentina

Ir-Renju Unit ‘kien dam is-snin jispjuna fuq il-Gvern tal-Arġentina’, kont id-dokumenti li ħareġ Edward Snowden, l-eks-membru tas-servizzi sigrieti Amerikani, li llum qed jgħix fir-Russja.

Intant, rapporti tal-istampa fi Buenos Aires qed jallegaw li r-Renju Unit kien ‘spiċċa mħasseb’ dwar il-possibbilta li l-Arġentina tista’ tipprova mill-ġdid li ‘tikseb lura’ l-Gżejjer Falkland, li, fl-1982, kienu fiċ-ċentru ta’ gwerra qasira bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Gvern Britanniku, ix-xahar li għadda, ħabbar li kien qed iżid il-preżenza militari fuq il-Gżejjer Falkland u issa d-dokumenti ‘ta’ Snowden’ qed jallegaw li l-aġenti sigrieti tar-Renju Unit kienu qed jispjunaw b’mod attiv fuq l-Arġentina, bejn l-2006 u l-2011.

Snowden, eks-membru tas-CIA Amerikana, fl-aħħar xhur ħareġ diversi tipi ta’ informazzjoni sensittiva rigward il-programmi tas-sorveljanza tal-Istati Uniti.