Lokali

Mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin: Jinbiegħu 400 Qagħqa tal-Appostli fi tliet kwarti

Mis-7.30 tal-Ġimgħa filgħodu sat-8.15, minn quddiem il-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin inbiegħu mal-400 Qagħqa tal-Appostli, jiġifieri l-qagħaq kollu li r-residenti tal-Faċilita’ ħejjew fil-forn tal-Faċilita’ sa mis-sagħtejn ta’ filgħodu.

Bi tbissima ta’ sodisfazzjoni fuq wiċċhom, ir-residenti tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin spjegawlna kif fis-6.30 ta’ filgħodu beda jinġema’ kju twil ta’ nies li malli lestew il-mixja b’risq Puttinu Cares, baqgħu sejrin Kordin fil-kju biex jilħqu qagħqa.

Konna preżenti għal din l-attivita’ b’risq Puttinu Cares, li din is-sena qed issir għad-disa’ darba, fejn fil-ħdax ta’ filgħodu sibna lir-residenti jistennew li joħroġ tilar ieħor bil-qagħaq, u kju twil ta’ nies jistennew li jmisshom.

Fi tliet minuti, mal-ħamsin qagħqa kienu diġa’ nxtraw, u ħallejna warajna kju itwal minn dak li sibna malli wasalna.

Bħala parti minn din l-inizjattiva, li għaliha ilhom tant jaħdmu r-residenti tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, inbiegħu wkoll il-figolli li wkoll inħadmu mir-residenti bl-għajnuna ta’ dulċier.

Il-qagħaq u l-figolli jibqgħu jinbiegħu minn quddiem il-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin sa tard bil-lejl.