Il-kampanja ‘Iva, bħala Maltin u Ewropej’ qed titlob lill-MEPA biex tinvestiga tqaċċit ta’ sigar li huma protetti bil-liġi f’art pubblika amministrata mill-Gaia Foundation f’Għajn Tuffieha. Kelliem għall-Kampanja IVA qal li dawn is-siġar jagħtu kenn lill-għasafar li jpassu fl-istaġun tar-rebbiegħa.
F’konferenza stampa quddiem l-istess art amministrata mill-Gaia Foundation, il-kelliem għall-Kampanja IVA qal li l-għaqda se tkun qed tgħaddi l-informazzjoni kollha lill-awtoritajiet biex issir investigazzjoni. Huwa fakkar li l-Gaia Foundation tirċievi fondi Ewropej biex tikkura dan il-post u mhux biex jitqaċċtu siġar protetti bil-liġi.
Il-kelliem tal-Kampanja IVA qal li dan huwa każ ieħor li juri li l-kampanja tal-LE ma għandha l-ebda kredibilita meta tipprova tħammeġ lil dawk li għandhom id-delizzju tal-kaċċa f’pajjiżna. Huwa qal li, filwaqt li l-attivisti tal-Kampanja LE qed jgħidu li qed imexxu din il-kampanja fuq bażi volontarja, qed jippruvaw inessu l-barranin impjegati magħhom biex imexxu kampanja kontra d-delizzju tal-Maltin meta f’pajjiżhom stess issir kaċċa fir-Rebbiegħa u, f’uħud mill-pajjiżi, saħansitra kaċċa tul is-sena kollha.
Intant, fi stqarrija, il-Gaia Foundation ċaħdet l-allegazzjonijiet tal-Kampanja IVA u sostniet li s-siġar tqaċċtet bil-permessi kollha meħtieġa u skont il-liġi. Il-Fondazzjoni saħqet li s-siġra msemmija kellha titqaċċat minħabba li kienet qed tagħmel ħsara lis-Siġra Nazzjonali ta’ Malta li kienet qed tikber taħt il-friegħi li kellhom jitqaċċtu. Il-Gaia Foundation qalet li dan it-tfiegħ ta’ tajn huwa sforz iddisprat biex ikun influwenzat il-vot fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
//= $special ?>