Somma rekord ta’ €936,976 ilbieraħ inġabru b’risq Puttinu Cares, waqt il-programm Xarabank, li għażel din it-tema f’nhar il-Ġimgħa l-Kbira.
Din is-somma taqbeż bi kbir ir-rekord tas-sena li għaddiet, meta kienu nġabru €555,000. Is-sena ta’ qabel kienu nġabru €517,284 f’dik li llum saret maratona ta’ ġbir ta’ fondi sinonima mal-Ġimgħa l-Kbira.
Dan ir-rekord ikompli ma’ rekord ieħor, dak miġbur waqt il-mixja li saret fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, fejn madwar 10,000 persuna mxew mill-Mellieħa sal-Isla u bejniethom taw iktar minn €98,000 f’donazzjonijiet.
Il-flus li nġabru waqt dan il-programm se jmorru biex Puttinu Cares ikollu appartament ieħor fl-Ingilterra biex jakkomoda lill-pazjenti li jkollhom bżonn il-kura għall-kanċer jew mard serju ieħor.
Matul il-programm spikka fost oħrajn l-intervista mal-familja ta’ Quiven, tifel ta’ sena u xahrejn, li meta kellu biss 8 xhur, tilef waħda minn għajnejh minħabba tumur. Din il-ġrajja kienet dehret bi prominenza fil-ġurnal In-Nazzjon il-Ħamis li għadda.
Bħalissa Quiven qiegħed jissielet ma’ tumur ieħor, li trabbielu fl-għajn l-oħra.
//= $special ?>