• Jikseb dottorat u jżomm ruħu attiv minkejja li jsofri minn sklerożi multipla (MS)
Kien madwar għaxar snin ilu, li ħarġu l-ewwel sintomi li eventwalment sar magħruf li Alastair Farrugia intlaqat mill-isklerożi multipla (MS). Marda li taffetwa n-nervituri tal-ġisem. “L-ewwel sintomi ħarġu meta kelli kważi 30 sena. Bdejt inzappap u wara ftit kien għaddieli u wara ftit ġimgħat erġajt bdejt inzappap, din hija xi ħaġa komuni fl-MS li jkollok sintomi li jieqfu u mbagħad jerġgħu jiġu,” jispjega Alastair.
Daqs sentejn ilu hu beda juża’ pompa li, flok pinnoli, tinjetta l-mediċini direttament fis-sinsla. Dan wassal biex Alastair, għalkem mgħejjun b’bastun jew oġġett ieħor li jista’ jserraħ fuqu, jista’ jimxi ħafna aħjar.
Il-kuraġġ ta’ Alastair jidher anki f’dak li rnexxielu jikseb. Minkejja l-kundizzjoni tiegħu, Alastair temm l-istudji tiegħu u kiseb dottorat fil-Matematika. Illum il-ġurnata jaħdem bħala programmer mal-kumpanija Crimsonwing.
“Għall-ewwel ħames snin irnexxieli nibqa’ ngħix waħdi fil-flat tiegħi iżda mbagħad il-kundizzjoni tiegħi iddeġenerat u għaldaqstant kelli nerġa’ niġi ngħix mal-ġenituri tiegħi,” kompla Alastair.
Alastair ma jaqtax qalbu u għalkemm il-mobilita’ tiegħu hi limitata mill-kundizzjoni, hu ma joqgħodx lura, tant li xtara karozza li hi attrezzata apposta għall-ħtiġijiet tiegħu.
Fil-fatt il-karozza tiftaħ f’rampa li biha jista’ jtella’ siġġu tar-roti, filwaqt li l-funzjonijiet tal-karozza kienu mibdula b’tali mod li Alastair jista’ jikkontrolla l-vettura b’idejh mingħajr il-ħtieġa li juża l-pedali.
Alastair iżomm ruħu wkoll attiv fiżikament u għal dawn l-aħħar sentejn jagħmel eżerċizzju fuq ir-rota. Minkejja li għandu kundizzjoni hu, Alastair Farrugia ħaseb ukoll f’ħaddieħor tant li ħa sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-maratona tar-roti biex jinġabru flus għal defibrillators. Fil-fatt hu qadef madwar 12-il kilometru fuq l-istationary bike.
L-Appell ta’ Alastair lil min hu milqut minn din il-kundizzjoni hu wieħed sempliċi: Li wieħed jibqa’ jissielet u kemm jista’ jkun ikompli jgħix ħajtu fil-limitazzjonijiet li tpoġġi fuqu din il-kundizzjoni partikolari.