Internazzjonali

Appell għall-paċi u kontra l-persekuzzjoni tal-Kristjani

Il-Papa Franġisku jiċċelebra l-Għid il-Kbir

“Kristu xejjen lilu nnifsu, neża id-divinita’ tiegħu, libes il-libsa tal-bniedem. U ta’ dan Alla għollieh. L-umilta’ hi t-triq li twassal għall-glorja. Għaliex l-umli jħares ‘il fuq filwaqt li s-supperv iħares l’isfel.”

Kliem il-Papa Franġisku hekk kif fi Pjazza San Pietru, mexxa ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir, il-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu – l-ikbar festa fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja.

Matul il-messaġġ tiegħu, il-Papa talab għall-paċi f’diversi reġjuni madwar id-dinja li huma mifnija bil-ġlied bħas-Sirja, l-Iraq, il-Libja, l-Yemen, l-Art Imqaddsa, in-Niġerja, is-Sudan u l-Ukrajna.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika ħeġġeġ għat-talb sabiex dawn il-popli jerġgħu jibdew jgħixu flimkien fil-paċi. Hu ħeġġeġ lill-komunita’ internazzjonali biex jiżdiedu l-isforzi ħalli tittaffa t-tbatija ta’ tant nies innoċenti li nqabdu f’dawn il-kunflitt.

Hu wera t-tama li l-ftehim li ntlaħaq dwar il-programm nukleari tal-Iran iwassal għal iktar sigurta’ fid-dinja.

Il-Papa Franġisku talab ukoll għal dawk li qed jiġu ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom u ftakar b’mod speċjali għall-vittmi tal-massakru tal-universita’ ta’ Garissa fil-Kenja tal-Ħamis li għadda.

Quddiem miġemgħa ta’ eluf li ħonqot pjazza San Pietru, il-Papa ftakar ukoll fil-vittmi tal-kriminalita’ li qed ibatu f’forom ta’ skjavitu moderni u oħrajn li ilhom jgħakksu lill-bniedem għal mijiet ta’ snin.

Fi tmiem il-quddiesa il-Papa ta l-barka ‘urbi et orbi’ – lill-Belt ta’ Ruma u lid-dinja.