Futbol Sport

Bayern kien ħaqqhom jirbħu – Klopp

Il-kowċ ta’ Borussia Dortmund Jurgen Klopp qal li r-rebħa ta’ 1-0 li kellhom kontrihom Bayern Munich nhar is-Sibt li għadda kienet waħda mertitata. L-awtur tal-uniku gowl fil-logħba kellu jkun proprju l-eks plejer ta’ Dortmund Robert Lewandowski. Minkejja li fit-tieni taqsima Dortmund kellhom ħafna mill-pussess tal-ballun dawn naqqsu milli jġibu d-draw.

“Fl-ewwel 10 minuti konna tajjeb imma minn hemm ‘il quddiem ma impresjonajniex. Bayern iddefendew tajjeb u għandhom plejers b’sħħithom u b’hekk diffiċli tippenetra d-difiża. Fit-tieni taqsima konna kemmxejn aħjar imma biex tiskurja kontra tim bħal ma hu dak ta’ Bayern trid tkun ferm aħjar. Nemmen li kien ħaqqhom jirbħu,” qal Klopp.

Minn naħa tiegħu l-kowċ ta’ Bayern Pep Guardiola kellu kliem ta’ tifħir fil-konfront ta’ Dante. “Kuntent ħafna bil-wirja tal-plejers speċjalment b’ta Dante. Dante plejer importanti ħafna għalina u nixtieq li kelli aktar minn plejer wieħed bħalu. Fit-tieni taqsima konna aħjar milli konna fl-ewwel taqsima u t-tim iddefenda b’għaqal kbir. Onestament xtaqt nilgħab b’mod differenti imma ma stajtx minħabba l-plejers li kelli neqsin. Mhux faċli li tirbaħ fil-grawnd ta’ Dortmund u hu għalhekk li ninsab sodisfatt,” qal Guardiola.

Ta min jinnota li kontra Dortmund beda mal-ewwel 11 id-difensur Philipp Lahm li kien ilu mweġġa’ sa minn Novembru li għadda.