Sport Waterpolo

EU 8 Nations Junior Cup: Suċċess mill-aqwa għall-Maltin

…jirbħu anke l-medalja tal-bronż

Waterpolo: Iż- żewġ timijiet tal-Juniors ta’ Malta kisbu suċċess mill-aqwa fl-EU 8 Nations Junior Cup li intlagħbet fil-Pixxina f’Tal-Qroqq meta Tim A rebaħ il-medalja tad-deheb u Tim B rebaħ dik tal-bronż. Dan bla dubju hu suċċees ieħor għall-waterpolo f’pajjiżna u għat-timijiet immexxija minn Karl Izzo.

Fil-finali Tim A ta’ Malta għeleb lill-Awstrija 15-8 filwaqt li fil-logħba għat-tielet u r-raba’ post Tim B ta’ Malta rebaħ bi skor ta’ 9-7 kontra r-Repubblika Ċeka. Dawn ir-riżultati jfissru li Malta A mhux biss rebħet din il-kompetizzjoni imma għamlet dan mingħajr ma sofriet telfa.

Fil-partiti l-oħra Tim A ta’ Malta rebaħ kontra Wales (30-2), id-Danimakra (23-4), r-Repubblika Ċeka (15-3) u kontra Tim B ta’ Malta (15-2).

Fil-finali l-Maltin bdew tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni 2-0 u kien biss fit-tieni sessjoni fejn l-avversarji żiedu fir-ritmu u ħadu draw ta’ 2-2. Fit-tielet sessjoni l-Maltin żiedu fir-ritmu u rebħuha 6-3 u l-aħħar sessjoni spiċċat 4-2 favur il-Maltin għal skor finali ta’ 15-8. L-aqwa skorer kien Ben Plumpton li kellu wirjiet mill-aqwa f’dan it-turnament.

Fil-logħba l-oħra bejn Malta B u r-Repubblika Ċeka l-ewwel sessjoni intemmet 2-1 favur il-Maltin li rebħu anke t-tieni sessjoni 3-2. It-tielet sessjoni marret ukoll f’idejn il-Maltin li rebħuha 3-2 u kien biss fl-aħħar sessjoni li l-avversarji rebħu 3-2 għal skor finali ta’ 9-7. L-aqwa skorer kien Max Aquilina.

Fil-ħames post ta’ din il-kompetizzjoni spiċċaw id-Danimarka li rebħu 8-6 kontra Wales filwaqt li l-Iskozja rebħet 7-5 kontra l-Irlanda biex spiċċat fis-seba’ post.

Ta min jiftakar li Malta ipparteċipat b’żewġ timijiet minħabba li l-Iżvizzera kienu irtiraw u l-Kumitat Organizzattiv talab lill-Maltin biex jirreġistraw żewġ timijiet biex b’hekk jinżamm l-istess format tal-kompetizzjoni.

Kif spiċċaw:
1.Malta A
2. Awstrija
3. Malta B
4. Repubblika Ċeka
5. Danimarka
6. Wales
7. Skozja
8. Irlanda