Internazzjonali

Fidel Castro jitfaċċa fil-pubbliku għall-ewwel darba f’14-il xahar

L-eks-President ta’ Kuba, Fidel Castro, deher fil-pubbliku, għall-ewwel darba wara 14 il-xahar u fejn, fost oħrajn, iltaqa’ ma’ delegazzjoni ta’ uffiċjali mill-Veneżwela.

L-istampa uffiċjali uriet ir-ritratti ta’ Castro bilqiegħda fil-vettura tiegħu filwaqt li qed jieħu b’idejn dawn l-uffiċjali Veneżolani li baqgħu barra l-karozza u li mifhum kienu qed jagħmlu żjara ta’ solidarjeta f’Kuba.

Fidel Castro, li jibqa’ mfakkar bħala simbolu rivoluzzjonarju, illum għandu 88 sena u l-aħħar darba li hu kien deher fil-pubbliku kien proprju f’Jannar tal-2014 waqt l-inawgurazzjoni ta’ ċentru kulturali f’Havana, il-belt kapitali ta’ Kuba.