Lokali

“Dawn huma elezzjonijiet li jintrebħu mill-Oppożizzjoni” – Joseph Muscat

Skont il-Prim Ministru, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali huma elezzjonijiet li jintrebħu mill-Oppożizzjoni. Dan sostnih Joseph Muscat it-Tnejn filgħodu waqt intervista fuq One Radio, li fiha l-Prim Ministru esprima it-tħassib tiegħu għall-fatt li hemm diversi voti li għadhom ma nġabrux f’Marsaxlokk, Birzebbuga, l-Isla, il-Marsa, u l-Gżira.

Fl-intervista fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Joseph Muscat ħabbar ukoll illi l-Enemalta fl-aħħar jiem infurmatu li l-interconnector qed jiffunzjona. U dan hu konferma tas-suċċess li ħalla warajh Gvern Nazzjonalista. “Fil-jiem li ġejjin l-interconnector se jkun qed jitħaddem uffiċjalment”, sostna l-Prim Ministru.

Muscat tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qed joħloq Gvern Laburista fejn sostna li f’kull jumejn, tliet persuni qed isibu post tax-xogħol. Iżda fl-ebda waqt m’għamel referenza għall-mijjiet ta’ impjiegi li ħoloq il-Gvern stess maċ-ċivil għal nies qrib ferm tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru qal li l-pajjiż fadallu ħafna fejn itejjeb. Tant li hu stess semma’ numru ta’ proġetti li għadhom iridu jsiru, u li għadhom biss pjan fuq il-karta.

Fi tmiem l-intervista, Muscat qal li l-Gvern qed iġib riżultati ekonomiċi. Iżda qal li għad hemm min mhux iħoss l-effett ta’ dawn ir-riżultati.