Il-Kap tal-PN Simon Busuttil sostna li l-elettorat għandu jagħmel differenza bil-vot billi jivvota lill-kandidati tal-PN għaleix din tkun differenza għan-nies.
Simon Busuttil kien qed jitkellem f’attività politika fin-Nadur li fiha tkellmu wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said u x-Shadow Ministers tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg u Therese Comodini Cachia.
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li hu ta’ diżappunt li hemm belvedere fin-Nadur iżda l-Gvern Laburista lest li għall-voti jaċċetta li jittella’ ħajt u titgħatta din il-veduta. Bejn il-voti u l-ġid komuni ta’ kulħadd Joseph Muscat jagħżel il-voti, sostna l-Kap tal-PN, li appella biex in-Nadurin jivvutaw biex il-veduta ma titgħattiex b’ħajt.
Hu tkellem dwar id-differenza bejn kunsilli mmexxija mill-PN u dawk immexxija mill-PL u sostna li l-kunsilli lokali wettqu bil-fatti proġetti importanti fosthom fin-Nadur li inkludew ġonna, toroq, belvedere u l-pjazza. F’San Lawrenz sar proġett mill-isbaħ iffinanzjat minn fondi tal-UE fil-pjazza tal-lokal fejn sar pavimentar tal-pjazza u restawr tal-knisja.
Dwar il-Munxar, il-Kap tal-PN qal li l-kunsill għamel ħafna xogħol, inkluż restawr ta’ mitħna taħt l-art, pjazez u toroq flimkien ma’ heritage trail ta’ 6 kilometri. F’Għajnsielem sar ħafna xogħol inkluż belvedere, replika tal-għajn u l-Pjazza tad-Dehera iżda triq taħt ir-responsabbiltà tal-gvern baqgħet ma saritx.
Fiż-Żebbuġ twettaq ħafna xogħol fosthom toroq lill-bdiewa, bankini u belvedere flimkien ma’ xogħlijiet importanti fil-Qbajjar u Marsalforn. Hu semma Kerċem u qal li saru ħafna xogħlijiet mill-kunsill lokali immexxi mill-PN fosthom iċ-ċentru ċiviku u Ġnien il-Familja. Il-Kap tal-PN semma l-mod kif il-kunsilli tal-PN kapaċi jattiraw fondi mill-UE.
Hu semma l-Qala li hi mmexxija minn kunsill Laburista u qal li hawn tirrenja t-telqa fosthom b’toroq magħluqa għal tmien xhur sħaħ. Il-Kap tal-PN semma kif fil-Qala qabel l-aħħar elezzjoni tal-kunsill lokali ħabbru li l-impjant ta’ desanilazzjoni kellu jinbidel f’pixxina iżda minkejja l-wegħdi l-pixxina baqgħet ma saritx. F’wieħed mill-Belvedere tal-Qala li suppost kellu jkun restawrat mill-maġġoranza Laburista, illum hemm biss billboards li jwegħdu l-istess wegħda ta’ tliet snin ilu għax il-proġett ma sarx. F’żewġ playingfields fil-Qala hemm telqa kbira u diżastru waqt li Ġnien il-Familja fil-Qala jinsab mitluq.
Fix-Xagħra fejn kien hemm maġġoranza Laburista hemm l-istess sitwazzjoni ta’ telqa fejn it-toroq hemm diżastru għalkemm issa qed issir triq bid-dejn. Il-Mitħna ta’ Kola kienet ukoll wegħda elettorali Laburista li baqgħet ma saritx, kif ma saritx il-wegħda li jinbena ċentru ċiviku. Fix-Xagħra hemm l-ingann kif hemm fil-lokalitajiet ta’ maġġoranza Laburista, sostna l-Kap tal-PN.
Dan joħroġ id-differenza bejn maġġoranza Laburista u dik Nazzjonalista, sostna Simon Busuttil, li sostna li l-vot ta’ nhar is-Sibt hu dwar il-lokalitajiet.
Simon Busuttil tkellem dwar Għawdex u qal li l-politika reġjonali dwar Għwdex ma teżistix tant li l-poteri tal-Ministeru għal Għawdex tneħħew ħlief għat-toroq li huma diżastru. Il-Kap tal-PN qal li l-PN qed jerġa’ jsir partit tan-nies u għalhekk issaħħaħ l-Uffiċċju Kuntatt PN biex il-PN jisma’ lin-nies u jkun viċin tagħhom.
Simon Busuttil qal li l-fiduċja tan-nies fil-politika qed tonqos għaliex il-gvern bil-fatti qed inawwarha. Il-PN qed jisma’ u jirreġsitra l-inġustizzja kollha li qed iwettaq il-Gvern Laburista biex meta l-PN ikun fil-gvern ikun jista jwettaq ġustizzja. Dan hu pajjiż immexxi minn Joseph Muscat li fih qed terġa tidħol il-biża’, qal Simon Busuttil, qal li l-pajjiż għandu jkun liberu.
Dan hu gvern li jinsulta l-intelliġenza tan-nies fosthom biċ-ċekk ta’ 35 ewro biex jixtri lin-nies. Insult ieħor hu l-investiment imħabbar f’Għawdex li fil-konkret se jiswa 10 sodod oħra għall-Għawdxin.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar ix-xogħlijiet li saru mill-privat f’Għawdex u sostna li d-diskorsi għandhom isiru meta l-investigazzjonijiet tal-pulizija jitlestew. Simon Busuttil ċaħad l-allegazzjonijiet ta’ Muscat u appella lill-Prim Ministru biex jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu, iwettaq xogħlu u ma jibqax ikun ġurnalist ta’ Super One. Hu ċar li l-Prim Ministru kien jaf bl-allegazzjonijiet iżda ma għamel xejn.
Simon Busuttil qal li l-poplu ma jridx gvern li jappunta n-nies bħal Sai Mizzi u Cyrus Engerer, ma jridx skandli bħal tal-Premier u ma jridx zjarat misterjuzi fl-Ażerbajġan.
//= $special ?>