Lokali

Elezzjonijiet li qed isiru grazzi għall-insistenza tal-PN – Chris Said

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qal li dawn l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali qed isiru grazzi għall-insistenza politika tal-PN għax li kien għall-Gvern Laburista dawn l-elezzjonijiet ma sarux. Il-PN hu determinat li jkompli jagħmel id-differenza kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell nazzjonali. F’Għawdex se jsiru elezzjonijiet lokali fi tmien lokalitajiet li minnhom hemm sitta b’maġġoranza tal-PN, li fihom saret ħidma kbira.

Chris Said semma xogħlijiet f’Kerċem, fil-Munxar, in-Nadur u f’San Lawrenz waqt li l-lokalitajiet immexxija minn kunsilli Laburisti ma wettqux il-proġetti għall-benefiċċju tal-lokal. Hu tkellem dwar diversi xogħlijiet li twettqu fosthom toroq, pjazez, ċentri, ġodda, pjazez, restawr, playingfields u proġetti għall-ġid tal-komunità b’fondi tal-UE.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li fin-Nadur il-Gvern għandu paniku fejn issa ndunaw li huma responsabbli minn toroq ewlenin. Il-Gvern Laburista qed jagħmel biss biċċiet ta’ toroq quddiem djar ta’ bażużli Laburisti.

Dwar il-prezzijet tal-petrol u d-diesel, Chris Said qal li l-Gvern wiegħed li se jżomm il-petrol u d-diesel l-istess prezz iżda l-prezz taż-żejt hu 50 dollaru l-barmil, kif kien fl-2009. Fl-2009 il-petrol kien 97c l-litru u d-diesel kien 94c l-litru. Dan hu 40 fil-mija irħas milli hu llum u jammonta għal serq minn fuq il-poplu, sostna Chris Said.