Matul l-aħħar sentejn, Ħaddiema tal-Gvern intbagħtu mill-Ministeru għal Għawdex biex jagħmlu xogħolijiet fuq numru ta’ propjetajiet privati. Wara l-każijiet żvelati fil-jiem li għaddew, MaltaRightNow.com jista’ jiżvela każ ieħor, li jitratta persuna qrib ħafna tal-Ministeru għal Għawdex. Matul is-Sajf li għadda, il-Ħaddiema tal-Gvern intbagħtu jaħdmu f’kamra privata, propjetà ta’ canvasser ewlieni tal-Ministru Anton Refalo.
Il-kamra privata, li tinsab fix-Xatt l-Aħmar f’Għajnsielem, inbniet mingħajr permess, tant li kien hemm ukoll kawża mill-MEPA quddiem il-Qorti kontra s-sid tal-propjetà. Iżda minkejja l-kawża quddiem il-Qorti, il-canvasser ta’ Anton Refalo baqa’ għaddej bix-xogħolijiet tiegħu fil-propjetà. Tant hu hekk, li informazzjoni li waslet għand MaltaRightNow.com tgħid li l-Ħaddiema tal-Gvern intbagħtu jagħmlu xogħolijiet fuq din il-kamra privata għal tliet ġimgħat sħaħ.
Fost oħrajn, fix-xogħolijiet, il-Ħaddiema tal-Gvern bnew ħajt tas-sejjieħ madwar il-kamra (ċirku fir-ritratt), kif ukoll għamlu xogħolijiet oħrajn ta’ manutenzjoni. Dawn jidher li saru b’ringrazzjament wara li s-sid tal-propjetà ħadem ferm biex Anton Refalo jkun elett fuq id-distrett elettorali ta’ Għawdex. Hu mifhum li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, ir-raġel kien idur ma’ Anton Refalo f’numru ta’ lokalitajiet, fosthom f’Għajnsielem stess.
Dan il-każ hu l-aħħar wieħed li ħareġ fil-pubbliku, wara x-xogħolijiet li saru fl-aħħar sentejn f’għelieqi privati fil-limiti tal-Għasri, ix-xogħolijiet fuq garaxxijiet privati fi Triq San Lawrenz bejn San Lawrenz u Ta’ Dbieġi, kif ukoll xogħolijiet fuq ristorant partikolari f’Marsalforn. F’dawn il-każijiet kollha, il-Ħaddiema tal-Gvern intbagħtu wara ordni diretta mill-Ministeru għal Għawdex waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.
MaltaRightNow.com se jkompli jiżvela aktar każijiet ta’ xogħolijiet fil-privat minn Ħaddiema tal-Gvern taħt il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
//= $special ?>