Quddiem il-fatti ta’ xogħlijiet minn Ħaddiema tal-Gvern f’postijiet privati f’Għawdex matul l-aħħar sentejn, id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela ddefenda lill-Ministru Anton Refalo. Hu qal biss li jekk hemm min għandu xi informazzjoni, għandu jgħaddiha lill-Pulizija … u qabel isir dan ma jsir xejn.
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, id-Deputat Mexxej Laburista qal li hu ma jaf bl-ebda xogħlijiet li saru fil-privat minn Ħaddiema tal-Gvern fl-aħħar sentejn u dwar dan ħadd għadu ma tkellem mal-Ministru Anton Refalo. Toni Abela sostna li l-każ tal-Ministru Refalo mhuwiex simili għall-allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks Ministru Giovanna Debono.
Mitlub jissostanzja l-pożizzjoni tiegħu, Toni Abela qal li fil-konfront tal-Ministru Anton Refalo hemm biss allegazzjonijiet. Hu sostna li jekk jirriżultaw li hemm fatti kontra l-Ministru Refalo, allura jittieħdu l-passi.
Għall-kumment tal-ġurnalisti li l-obbligu tal-investigazzjonijiet huma fuq il-Pulizija u fuq il-gvern, minħabba li l-informazzjoni hi diġà pubblika, id-Deputat Mexxej Laburista reġà rrepeta biss li min għandu l-informazzjoni għandu jmur għand il-Pulizija.
//= $special ?>