Diversi turisti fi New Zealand kienu qed iqattgħu jum bħal ieħor ħdejn il-baħar f’Papamoa Beach, jgħumu fil-kwiet sakemm iddeċieda li jingħaqad magħhom kelb il-baħar.
Dawk kollha li kienu qed jitbaħbħu fl-ilma baxx spiċċaw ħarġu jwerżqu u jiġru kemm jifilħu lejn ix-xtajta hekk kif fid-daqqa u l-ħin raw il-forma ta’ waħda mill-iktar tipi ta’ ħut mhux mixtieqa, u li kienet twila maż-żewġ metri u nofs.
Iżda wara l-qatgħa tal-bidu, kienu ħafna dawk li reġgħu daru lura lejn il-baħar baxx biex jieħdu ritratti u filmati.
B’xorti tajba din id-darba l-kelb il-baħar dawwar denbu u reġa’ ħareġ ’il barra lejn il-baħar fond. Imma fl-2013, inċident simili ħalla persuna mejta waqt li bejn Diċembru u Frar li għadda seħħew diversi inċidenti fejn klieb il-baħar attakkaw u weġġgħu serjament persuni li kienu qed jgħumu fil-bajjiet ta’ New Zealand.
//= $special ?>