MALTA 2
ĠORĠJA 1
ĠORĠJA: Chkuaseli, Kochmazashvili, Pasikashvili, Todadze, Matveevea, Chichinadze, Thochkonia, Cheminava, Tatuashvili, Zakaidze (Skhirtladze 65′), Sutidze,
MALTA: J. Xuereb, G. Zahra (M. Borg 71′), Y. Vella (M. Debono 71′), S. Farrugia, D. Theuma, Y. Carabott, R. Cuschieri, S. Zammit, J. Flask, C. Zammit (A. Said 72′), B. Borg
Imwissija: Kochmazashvil, Pasikashvili, Sutidze (Ġ); Theuma, S. Zammit (M)
Skorjaw: Y. Carabott 47′, D. Theuma 90′ (M); Chichinadze 55′ pen (Ġ)
Referee: Dilan Gokcek (Turkija)
Gowl skorjat minn Dorianne Theuma fid-90 minuta ta rebħa ferm importanti ta’ 2-1 għat-Tim Nazzjonali Malti tan-Nisa kontra Ġorġja, u b’hekk għamel pass kbir lejn il-kwalifikazzjoni għall-fażi tal-gruppi.
Kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għat-Tim Malti fi Grupp 2 ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-2017 wara dik fuq Andorra. B’hekk, issa t-Tim Malti jrid biss punt mill-aħħar sfida tal-Ħamis kontra l-Gżejjer Faroe.
Il-Kowċ Mark Gatt għażel li jibda bl-istess skwadra li tant impressjonat is-Sibt li għadda fir-rebħa ta’ 5-3 fuq Andorra. Il-logħba kienet bilanċjata, bil-Ġorġja jkunu aktar fuq l-attakk fl-ewwel taqsima, għalkemm ftit kienu perikolużi, u l-Maltin prattikament jieħdu l-inizjattiva fit-tieni taqsima.
L-ewwel ċans wasal fis-17-il minuta għal Malta, meta Theuma kellha xutt imblukkat wara corner u mir-rebound, anke Brenda Borg kellha l-konklużjoni mblukkata. Risposta minn Ġorġja fis-26 minuta iżda x-xutt ta’ Tchkonia kien imblukkat.
Fil-41 minuta, it-Tim Malti kien ferm sfortunat meta minn freekick ta’ Theuma, Farrugia laqtet il-lasta u fuq in-naħa l-oħra, fl-azzjoni ta’ wara, Ġorġja perikolużi b’xutt ta’ Chichinadze li sab lil Xuereb attenta.
It-Tim Malti kellu bidu mill-aqwa fit-tieni taqsima meta, wara appena żewġ minuti, mar fil-vantaġġ. Kienet azzjoni ta’ corner mogħti minn Theuma, meta l-gowler tal-Ġorġja Chkuaseli naqset milli tippanċja tajjeb il-ballun, li spiċċa quddiem Ylenia Carabott li pront kompliet għal ġewwa.
Iżda l-Maltin ftit damu jgawdu dan il-vantaġġ, meta fil-55 minuta Ġorġja ngħataw penalty. Minn azzjoni ta’ throw-in, Shona Zammit imbuttat fuq fil-linja tal-kaxxa l-kbira lil Matveeva. Mill-11-il metru, Chichinadze kisbet id-draw.
Fi spazju ta’ żewġ minuti, Gatt għamel tliet bidliet f’daqqa, meta Mandy Debono u Martina Borg daħlu minflok Gabriella Zahra u Yasmeen Vella, filwaqt li minuta wara daħħal anke lil Ann-Marie Said minflok Charlene Zammit, biex jagħti aktar nifs lit-Tim f’mument delikat tal-partita.
Kien mument tajjeb fejn il-Maltin bdew jagħfsu aktar u Chkuaseli salvat f’corner fuq Carabott, li setgħet ikkonkludiet aħjar.
Iżda l-Maltin baqgħu fuq l-attakk u minuta mit-tmiem, Carabott reġgħet kienet imċaħħda mill-gowler tal-Ġorġja, li iżda ma setgħet tagħmel xejn minuta wara meta minn freekick ta’ Farrugia, Dorianne Theuma ma żbaljatx għat-2-1 fost il-ferħ tal-plejers u l-Uffiċjali Maltin (ritratt).
Sadanittant, il-Gżejjer Faroe kisbu rebħa kbira ta’ 8-0 kontra Andorra, b’erba’ gowls ta’ Andreasen, tnejn minnhom minn penalties, doppjetta ta’ Sevdal u gowls kull wieħed minn Danielsen u Arge.
Issa jmiss li l-Ħamis Malta tilgħab kollox fl-aħħar logħba kontra l-Gżejjer Faroe fil-11am fil-Victor Tedesco Stadium, fejn punt ikun biżżejjed. Fl-istess ħin, f’Ta’ Qali, il-Ġorġja jilgħabu kontra Andorra, fejn mhux mistennija jfallu.
(Ritratt: Donald Caruana Photography)
//= $special ?>