Internazzjonali

Militanti tal-Istat Iżlamiku jeqirdu għal kollox knisja Nisranija fis-Sirja

Il-militanti tal-Istat Iżlamiku qerdu għal kollox knisja fil-provinċja Sirjana ta’ Hassaka.

F’Jum l-Għid il-Kbir, il-militanti attakkaw il-knisja tal-Verġni Marija fil-belt Nisranija ta’ Tel Nasri, u qerduha għal kollox.

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Insara fis-Sirja, Aina, spjegat li ġellieda Kurdi u oħrajn Insara ppruvaw jidħlu kemm-il darba minn Frar li għadda fir-raħal Nisrani, imma l-ġellieda tal-kaliffat baqgħu jokkupawh. Bi tpattija għat-tentattivi tagħhom li jirbħuh lura, qerdu għal kollox il-knisja parrokkjali tar-raħal.

Tel Nasri hu wieħed mill-irħula Nsara fis-Sirja u li spiċċaw okkupati mill-militanti tal-Istat Iżlamiku mit-23 ta’ Frar li għadda. Dakinhar kienu nqatlu 21 Nisrani u 373 persuna oħra ġew maħtufa. Minn dawn tal-aħħar inħelsu biss 23 u ħadd għadu ma jaf x’ġara mill-bqija.