Lokali

Se jkun inawgurat l-interconnector – proġett ieħor li nbeda minn Gvern Nazzjonalista

Kif żvela l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-jiem li għaddew, beda jitħaddem l-interconnector bejn Malta u l-Italja.

Permezz ta’ dan il-proġett, li hu ieħor ta’ Gvern Nazzjonalista li se jibda jitħaddem taħt Gvern Laburista, pajjiżna se jingħaqad mal-bqija tal-Ewropa, minfejn se nkunu nistgħu nixtru l-elettriku.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat llum kkonferma dak li żvela l-Kap tal-Oppożizzjoni meta sar magħruf li se jżur pajjiżna l-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi. Fost impenji oħrajn, il-Prim Ministru Taljan se jkun qed jinawgura dan il-proġett.

Kien grazzi għall-proġett tal-interconnector u l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista mill-Gvern, li l-Prim Ministru Joseph Muscat seta’ jitfi l-Power Station tal-Marsa. Madankollu, dakinhar, Muscat kellu jinawgura l-Power Station il-ġdida inkella jirriżenja.

Minbarra l-proġett tal-interconnector, il-Gvern Laburista dalwaqt se jkun jista’ jinawgura proġetti oħrajn li nbdew fi żmien Gvern Nazzjonalista. Dawn jinkludu l-proġett tad-Daħla tal-Belt u anke l-Isptar tal-Onkoloġija qrib l-Isptar Mater Dei.

Dawn il-proġetti, grazzi għall-viżjoni fit-tul li kellu Gvern Nazzjonalista, qed jgħinu biex issir differenza għall-aħjar f’ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Fil-każ tal-interconnector, li se jkun inawgurat lejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa, il-proġett imwelled, ippjanat u li beda jinbena minn Gvern Nazzjonalista issa qed iħalli l-frott, fosthom anke biex traħħsu l-prezzijiet tad-dawl.