Internazzjonali

Sitwazzjoni drammatika fil-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta’ Yarmouk

Is-sitwazzjoni fil-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta’ Yarmouk qed tkun deskritta bħala waħda drammatika hekk kif ġellieda tal-ISIS komplew jinfirxu u l-ġlied jiħrax.
Chris Gunness, kelliem għall-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li tgħin lir-refuġjati Palestinjani, qal li l-ħaddiema ma jistgħux iwasslu l-għajnuna lill-popolazzjoni fil-kamp minn mindu ġimgħa ilu beda l-ġlied hekk kif daħlu fiz-zona ġellieda tal-ISIS.
Dan hu l-eqreb s’issa li membri tal-ISIS waslu għall-kapitali Sirjana Damasku. Hu qal li fiz-zona ta’ Yarmouk hemm maqbuda madwar 3,500 tifel u tifla Palestinjani u s-sitwazzjoni li jinsabu fiha hi inumana. Fil-kamp tgħix l-akbar komunità Palestinjana fis-Sirja.
Ġellieda Palestinjani qed jippruvaw jirreżistu lill-ġellieda tal-ISIS imma bi ftit li xejn suċċess.
Yarmouk jinsab madwar għaxar kilometri bogħod miċ-ċentru ta’ Damasku u sal-bieraħ kien rappurtat li l-ISIS issa kellu kważi l-kontroll sħiħ tal-kamp. Uffiċjali Palestinjani qalu li xi ftit mijiet ta’ Palestinjani kien irnexxielhom jaħarbu mill-kamp imma kien hemm eluf li għadhom maqbudin ġewwa. In-NU qalet ukoll li kienu qed jiżdiedu r-rapporti ta’ nisa Palestinjani li qed jinħatfu mill-ġellieda tal-ISIS.