Internazzjonali

Theddid kontinwu bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja

L-awtoritajiet Armeni u tar-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh qed jissorveljaw u jinnutaw ‘kull provokazzjoni militari’ min-naħa tal-Ażerbajġan — u wara li l-qawwiet Ażeri abbużaw ‘mijiet ta’ drabi’ il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fiz-zona delikata.
Iz-zona partikolari hi magħrufa bħala ‘l-Linja ta’ Kuntatt’ u tissepara lill-qawwiet Ażeri minn dawk tar-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh, li taqsam fruntiera mal-Armenja.
Intant, kienu rappurtati ‘mas-700 każ ta’ abbużi u provokazzjonijiet’ mill-militar tal-Ażerbajġan, bejn id-29 ta’ Marzu u nhar is-Sibt li għadda.
F’dan il-perijodu kienu sparati ‘l fuq minn 14,000 tir fid-direzzjoni tal-pożizzjonijiet militari tal-Armeni, kif ukoll lejn ir-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh, fejn il-maġġoranza assoluta tar-residenti huma Armeni. L-istess repubblika anki ilha s-snin sors ta’ tensjoni kbira bejn l-Armenja u l-Gvern Ażeri f’Baku.
Fil-bidu tas-snin disgħin, l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan insistew b’kampanja għal tindif etniku fuq skala kbira u li wasslet għall-Gwerra ta’ Nagorno-Karabakh, bejn l-1991 u l-1994. Din il-gwerra intemmet bil-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li anki fassal il-fruntieri attwali li jeżistu fin-Nofsinar tal-Kawkasu.
L-Armata għad-Difiża tar-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh (NKR), issa, qed takkuża lill-Ażerbajġan rigward ‘tattiċi tas-sabutaġġ’ waqt li sostniet li l-Ażeri qed jinfiltraw l-artijiet li m’humiex tagħhom bl-iskop li jiksbu l-informazzjoni sigrieta. Mifhum li l-aħħar infiltrazzjoni mill-Ażeri seħħ proprju fil-Ġimgħa l-Kbira, b’dan isir lejn in-Nofsinar tal-‘Linja ta’ Kuntatt’ bejn il-qawwiet opposti tal-Ażerbajġan u Karabakh.
Intant, ir-rapporti qalu li l-militar tal-Armenja li qed jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom fl-inħawi ħadu azzjoni f’waqtha u bir-riżultat ‘li l-avversarji (Ażeri) kienu kostretti jirtiraw lura għall-pożizzjonijiet oriġinali u wara li ġarrbu wkoll xi telfiet’.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Armenja, Galust Sahakyan, tkellem dwar il-konflitt f’Nagorno-Karabakh, waqt żjara uffiċjali f’Ċipru. Sahakyan, mill-ġdid, saħaq li filwaqt li l-Armenja hi kontra l-gwerra, pajjiżu xorta jibqa’ lest għal dak kollu li jista’ jkun neċessarju fiċ-ċirkostanzi partikolari.