Tbassir tal-Gvern Ingliż indika li sa 80,000 persuna jistgħu jmutu kaġun ta’ epidemija ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ virus u bakteria li jifilħu għall-mediċini u antibijotiċi ta’ bħalissa.
Skont l-istudju, sa 200,000 persuna jistgħu jispiċċaw infettati jekk dan il-virus jibda jinfetta lin-nies.
Kien imbassar li fi żmien 20 sena, l-influwenza komuni se ssir aktar serja hekk kif il-mediċini ta’ bħalissa jsiru inutli. Barra minn hekk, minħabba dan il-virus, l-operazzjonijiet ta’ rutina se jitnaqqsu sew minħabba l-periklu kbir ta’ infezzjoni li jkun hawn.
Aktar ma jgħaddi żmien, ix-xjenzjati aktar qed ikunu mħassba dwar l-impatt ta’ dak magħruf bħala antimicrobial resistance (AMR) li qed iwassal biex l-antibijotiċi u mediċini kontra l-viruses isiru bla effett għal dak il-mard li llum jitqies li hu kkontrollat.
Dawn iċ-ċifri nħarġu min-National Risk Register of Civil Emergencies, dokument imfassal mill-Uffiċċju tal-Kabinett Ingliż, li janalizza x’theddid jista’ jkun hemm għall-pajjiż, kemm minn terroriżmu, gwerra jew minn affarijiet naturali.
Għall-ewwel darba, rapport simili għandu analiżi tal-perikli mill-AMR u li jiġi deskritt bħala partikolarment perikoluż għar-Renju Unit.
Intqal li din is-sitwazzjoni tista’ twassal biex ħafna mill-mediċina moderna ssir inutli u proċeduri bħat-trapjant tal-organi, operazzjonijiet fl-istonku u xi kura ta’ kanċer isiru perikolużi ħafna minħabba l-possibbiltà kbira ta’ infezzjoni li jkun hemm. Barra minn hekk, pandemiji tal-influwenza jsiru aktar perikolużi għall-bniedem peress li ma jkunx hawn kura effettiva.