Internazzjonali

Żewġ Membri Parlamentari minn partiti opposti jiżżewġu

Id-deputat Komunist Denis Voronenkov u d-deputat Maria Maksakova-Igenbergs mill-partit oppost Russia Waħda, iżżewġu f’Moska ftit ġranet ilu. Skont il-media Russa, dan hu l-ewwel żwieġ bejn Membri Parlamentari ta’ żewġ partiti opposti.

Wara t-tieġ, iż-żewġ miżżewġin friski marru dritt għax-xogħol, bl-għarusa kienet għadha bil-libsa tat-tieġ.

L-għarus qal li minkejja li hemm differenzi politiċi, dawn mhumiex ta’ xkiel għall-ħajja privata tagħhom anzi jagħtuha element li jżommuha dejjem ħajja.

Iż-żewġ Membri Parlamentari mill-partiti opposti saru jafu lil xulxin meta kienu qed jaħdmu fuq abbozz ta’ liġi dwar l-esportazzjoni ta’ fdalijiet kulturali. Imma skont il-mara, li hi wkoll kantanta tal-opra, m’hemm ebda raġuni għaliex politiċi ma jistgħux isiru jħobbu lil xulxin.

“Il-Membri Parlamentari huma qabel kollox persuni u jista’ jkollhom emozzjonijiet ukoll”, kienet qalet iktar kmieni. Għat-tieġ ġew mistiedna l-450 Membru Parlamentari min-naħat opposti tal-Kamra.